Il-partita ta’ kwalifikazzjoni taċ-Champions League li kellha ssir ilbieraħ bejn AEK Athens u Dinamo Zagreb ġiet posposta wara li partitarju nqatel b’sikkina fil-kapitali Griega.
Il-partitarju Grieg ta’ 29 sena miet wara battibekki bejn partitarji rivali ħdejn l-Agia Sophia Stadium ta’ AEK, fis-subborg tat-tramuntana ta’ Ateni, nhar it-Tnejn filgħaxija.
Il-Pulizija qalet li tmienja oħra ndarbu u saru 98 arrest.
Il-UEFA kienet ħarġet ordni biex il-partitarji viżitaturi ma jitħallewx jidħlu fil-pajjiżi rispettivi għaż-żewġ legs tat-tielet round ta’ kwalifikazzjoni minħabba tħassib dwar is-sigurtà.
Il-korp governattiv tal-football Ewropew sostna li l-inkwiet kien ifisser li l-partita kellha tiġi posposta, bid-deċiżjoni meħuda b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali.
“Il-UEFA tiddeplora bl-aktar mod qawwi l-inċidenti tal-biża’ li seħħew f’Ateni lbieraħ filgħaxija u li rriżultaw fit-telf ta’ ħajja ta’ persuna,” qalet il-UEFA.
“Filwaqt li nesprimu l-akbar simpatija tagħna lill-familja tal-vittma, lil AEK Athens u lill-partitarji tagħhom, nixtiequ nkomplu nisħqu li l-vjolenza m’għandhiex post fl-isport tagħna u nistennew li dawk responsabbli għal dan l-att terribbli jiġu arrestati u kkonsenjati lill-ġustizzja fl-iqsar żmien possibbli.”
Il-partita ta’ ritorn fil-Kroazja se tintlagħab kif ippjanat it-Tlieta li ġej, 15 ta’ Awwissu, bil-logħba f’Ateni tiġi rranġata mill-ġdid jew għall-Ġimgħa, 18 ta’ Awwissu jew inkella ġurnata wara.
Il-pulizija Griega qalet li l-inkwiet inqala’ 90 minuta wara s-sessjoni ta’ taħriġ ta’ Dinamo Zagreb li kien ukoll taħt skorta tal-pulizija.
Bejn 100-120 partitarju ta’ Dinamo dehru fil-ground u spiċċaw f’konfrontazzjoni ma’ ma’ partitarji ta’ AEK li kienu nġabru hemmhekk.
Partitarji miż-żewġ naħat “xeħtu murtali, oġġetti, ġebel, u użaw kanen improvizzati”.
Il-Pulizija qalet li bdiet investigazzjoni preliminari u li qed jippruvaw li l-’awturi’ jiġu indentifikati u kkastigati.
“GNK Dinamo tikkundanna bil-qawwa l-irvellijiet li seħħew it-Tnejn filgħaxija f’Ateni,” qalet stqarrija ta’ Dinamo Zagreb.