Friday, November 22, 2024

UCL: Il-pressjoni tinsab fuq Manchester United

Aqra wkoll

Illum u għada tintlagħab it-tielet ġurnata tal-Fażi tal-Gruppi tal-UEFA Champions League, bl-attenzjoni prinċipali tkun immirata uq Old Trafford hekk kif Manchester United jospitaw lil FC Copenhagen fejn xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom minħabba li ma għandhom l-ebda punt minn żewġ partiti. 

Man Utd v FC Copenhagen – Il-pressjoni tinsab fuq Manchester United meta jilqgħu lid-Daniżi ta’ FC Copenhagen minħabba li jinsabu fl-aħħar post ta’ Grupp A. 

Jekk jonqsu milli jiksbu t-tliet punti, ir-Red Devils ikunu viċin l-eliminazzjoni wara telfiet kontra Bayern Munich (4-3) u Galatasaray (3-2). 

Bħalissa, it-team immex­xi mill-manager Erik ten Hag huwa milqut minn bos­ta problemi. 

Barra minn hekk huwa se jkollu jgħaddi mingħajr is-sospiż Casemiro u l-imweġġgħin Lisandro Martinez u Luke Shaw filwaqt li Aaron wan-Bissaka huwa dubjuż.

Sevilla v Arsenal – Din il-partita għandha tkun mill-aktar interessanti hekk kif Sevilla għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa wara żewġ draws filwaqt li Arsenal ġejjin minn telfa xejn mistennija ta’ 2-1 kontra l-leaders Lens. 

Dan huwa konfront li l-ebda team ma jaffordja jit­lef.  Iż-żewġ timijiet ġejjin minn draw fil-kampjonat rispettiv … Sevilla kontra Real Madrid (1-1) u Arsenal kontra Chelsea (2-2). 

L-Ispanjoli se jkunu mingħajr  Kike Salas, Mariano Diaz, Marcao u Alfonso Pastor li qed jirkupraw minn injury filwaqt li l-Gunners għandhom il-players kollha għad-dispożizzjoni tagħ­hom.

Union Berlin v Napoli – Napoli jibdew favori­ti li jiksbu t-tliet punti mill-konfront li għandhom fil-belt kapitali Ġermaniża meta jilagħbu kontra Union Berlin li għadhom mingħajr l-ebda punt. 

Anke jekk Napoli ma jistgħux jinkludu lil Victor Osimhen, Juan Jesus u Andre Anguissa, xorta għandhom il-potenzjal li joħorġu bit-tliet punti. 

Paris SG  v Milan – Din hija logħba klassika bejn żewġ timijet li s’issa ddiżappuntaw. 

Il-Pariġini ġejjin minn umiljazzjoni ta’ 4-1 għand Newcastle United filwaqt li Milan għadhom ma rreġistrawx rebħa meta għandhom żewġ punti minn żewġ ħarġiet. 

Milan ma jistgħux jinkludu lil Samuel Chukwueze, Marco Sportiello, Ruben Loftus Cheek, Mattia Caldara u Ismael Bennacer filwaqt li Paris St-Germain għandhom barra lil Marco Asensio, Sergio Rico u Nuno Mendes … kollha għax jinsabu mweġġgħin. 

Inter v Salzburg – Inter jilqgħu lil Salzburg f’dik li hija meqjusa bħala partita delikata minkejja li l-Awstrijaċi għandhom bosta players neqsin.  

Il-leaders tas-Serie A, bħa­lissa għaddejjin minn forma tajba u rebħa tista’ tpoġġihom fil-quċċata ta’ Grupp D.

Sport