Friday, December 20, 2024

UCL: Illum Hibernians jilagħbu kontra Shamrock R. fl-Irlanda

Aqra wkoll

Iċ-champions Maltin, Hibernians, illum jiftħu l-impenji tagħhom fil-kompetiz­zjo­nijiet Ewropej meta fit-Tallaight Stadium ta’ Dublin jilagħbu kontra Shamrock Rovers liema partita hija valida mill-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions Lea­gue.

Il-Pawlisti ġejjin minn staġun ferm pożittiv fejn irnexxielhom jirbħu t-13-il kompjonat fl-istorja tal-club. 

Hibernians ilhom għaddejjin bil-preparazzjoni għal dan il-konfront fejn kellhom ukoll partiti ta’ ħbiberija u kisbu riżultati pożittivi. Huma kellhom ukoll sensiela ta’ akkwisti fosthom il-goalkeeper Justin Haber (Sta Lucia),  id-difensuri Kurt Shaw (Sliema W.), Rodolfo Soares (Gudja U.) u Gonzalo Llerena (UD Sanse) u l-attakkant Olandiż Terence Groothusen (Alemannia Aachen). Dan tal-aħħar diġá lagħab fil-Kampjonat Malti meta fl-istaġun 2019/20 lagħab mal-    is­tess Hibernians. Interessanti huwa l-fatt li minkejja li twieled l-Olanda, huwa jilgħab mat-team nazzjonali ta’ Aruba. 

Dan se jkun ir-raba’ konfront għall-Paw­listi kontra timijiet Irlandiżi. 

Fl-istaġun 1979/80, huma sfaw eliminati minn Dundalk FC b’aggregate ta’ 2-1, fiċ-Champions Cup. Wara li tilfu 2-0, f’Oriel Park fl-ewwel leg tal-ewwel round,  huma reb­ħu 1-0 fl-Empire Stadium, b’goal ta’ Chris Vella. 

Fl-istaġun 1980/81 sfaw eliminati, din id-darb kontra Waterford FC b’aggregate ta’ 4-1, fit-Tazza tat-Tazzi. Wara li rebħu l-ewwel leg tal-ewwel round fl-Empire Stadium 1-0, b’goal ta’ Paul Xuereb, huma sfaw megħluba 4-0 f’Kilcohan Park.

Peró, fl-2002/03, il-Pawlisti ikkwalifikaw għat-tieni round kontra Shelbourne FC b’aggregate ta’ 3-2. Filwaqt li fl-Istadium Naz­zjonali spiċċaw fi draw ta’ 2-2, b’goals minn Ndubisi Chukunyere u Adrian Pulis, fit-tieni leg huma ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0 bl-uniku goal jiġi skorjat minn Chukunyere li sar it-tielet player ta’ Hibernians li skorja fiż-żewġ legs wara Ernest Spiteri Gonzi u Ġużi Xuereb. 

Hibernians se jkollhom jgħaddu mingħajr Bjorn Kristensen, Ferdinando Apap u Andrei Agius li jinsabu sospiżi wara li tkeċċew fl-aħħar konfront Ewropew tal-UEFA Europa Conference League kontra FK Riga. 

Minkejja kollox, il-coach Stefano Sanderra xorta waħda għandu skwadra qaw­wija fejn l-attakk ikun immexxi minn Jurgen Degabriele, bis-settur ta’ nofs il-ground ikun fir-responsabbiltá ta’ Dunstan Vella. Il-coach Sanderra, inkluda wkoll liż-żewġ żgħażagħ fl-iskwadra,  Lukas Caruana u Isiaiah Chu­kunyere. 

Ir-rebbieħ bejn dawn iż-żewġ timijiet jilgħab fit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni kontra r-rebbieħ bejn Ludogorets Razgrad tal-Bulgarija u Sutjeska Niksic tal-Monteneg­ro.  It-tellief eventwalment jipparteċipa fit-tieni leg ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa League. 

Iżda min huma Shamrock Rovers? Dan il-club twaqqaf fl-1899 u huwa wieħed mill-aktar popolari fl-Irlanda hekk kif rebħu l-kampjonat għad-19-il darba, li huwa rekord. 

Matul dawn l-aħħar snin huma komplew jiddominaw ix-xena domestika u filwaqt li rebħu t-titlu fl-istaġun li għadda, bħalissa jinsabu fl-ewwel post ta’ dak preżenti hekk kif għandhom 51 punt … fejn qed igawdu 10 punti vantaġġ fuq l-eqreb rivali, Dundalk FC. 

Bħalissa l-kampjonat Irlandiż jinsab fl-aqwa tiegħu u fl-aħħar partita Shamrock għelbu lil Finn Harps bl-iskor ta’ 1-0 barra minn darhom. 

Għalihom, l-aqwa skorer preżenti hu Graham Burke li sab ix-xibka seba’ darbiet matul dan l-istaġun.  

Il-partita se tintlagħab fit-8.30 pm (ħin ta’ Malta) filwaqt li t-tieni leg se jintlagħab nhar it-Tlieta, 12 ta’ Lulju, fit-8.00 pm, fis-Centenary Stadium. 

Ekonomija

Sport