Thursday, December 26, 2024

UCL: Inter jilqgħu lil Atletico Madrid f’partita diffiċli

Aqra wkoll

ħWara li l-ġimgħa li għaddiet intlagħbu l-ewwel erba’ logħbiet tal-ewwel leg tal-Aħħar 16 tal-UEFA Champions League, illum u għada jintlagħbu l-erbgħa li fadal bi programm ferm interessanti li fih l-aktar partita li tispikka hija dik bejn Inter u Atletico Madrid.

Il-logħbiet tal-lum huma:

INTER v ATLETICO MADRID (9.00 pm)

Bla dubju, din hija l-aqwa partita ta’ dan ir-round fejn il-finalisti tal-istaġun li għadda, Inter, jospitaw lil Atletico Madrid.

Wara li bdew l-2024 bi tmien rebħiet infila, ifisser li Inter jinsabu  fl-aqwa forma tagħhom li fiha wrew li huma wieħed mit-timijiet elite tal-Ewropa matul dawn l-aħħar żewġ staġuni.

Barra minn hekk, in-Nerazzurri tilfu waħda biss mill-aħħar 13-il logħba tagħhom fl-aqwa kompetizzjoni tal-clubs tal-UEFA – kontra Manchester City fil-finali tal-2023 – filwaqt li żammew xejn inqas minn tmien clean sheets fil-proċess.

Huma kkwalifikaw għal dan ir-round wara li spiċċaw fit-tieni post ta’ Grupp D. Minn dak in-nhar it-team immexxi mill-coach, Simone Inzaghi, sofra telfa waħda biss … b’mod drammatiku fil-ħin barrani kontra Bologna fil-Coppa Italia – u s-Sena l-Ġdida rathom ma jwaqqgħux punt.

Iżda huma se jaffrontaw team stinat. Taħt it-tmexxija tal-coach, Diego Simeone, Atletico rebħu ħamsa minn sitt partiti f’fażi eliminatorja kontra clubs Taljani u għaldaqstant għandhom rekord tajjeb kontra t-timijiet mill-Peninsula.

Biex waslu sa dan l-istadju, l-Ispanjoli rebħu Grupp E, segwiti minn Lazio li l-ġimgħa l-oħra għelbu lil Bayern Munich bl-iskor ta’ 1-0.

Dan il-konfront se jkun dwell bejn l-aqwa skorers – Lautaro Martinez ta’ Inter u Alvaro Morata ta’ Atletico li bħal donnhom ma jistgħux jieqfu jsibu x-xibka avversarja.

L-uniku player nieqes għal Inter huwa Juan Cuadrado li tneħħa mill-iskwadra minħabba li qed jirkupra minn injury fit-tul.

Atletico ma jistgħux jagħmlu użu mit-tliet players, Gabriel Paulista, Cesar Azpilicueta u Thomas Lemar, minħabba li jinsabu mweġġgħin.

Ta’ nota huwa l-fatt li ż-żewġ coaches kienu rebħu d-double Taljana fit-team ta’ Lazio, fl-1999-2000.

PSV v BORUSSIA DORTMUND (9.00 pm)

Il-leaders tal-kampjonat Olandiż, PSV Eindhoven, għandhom prova diffiċli meta jilqgħu lil Borussia Dortmund.

Din hija l-ewwel partita eliminatorja f’din il-kompetizzjoni għal PSV wara tmien snin li se tlaqqagħhom ma’ dak it-team li rebaħ Grupp F … meqjus bħala l-Grupp tal-Mewt li fih kien jinkludi wkoll lil Paris St-Germain, Milan u Newcastle United.

Min-naħa tagħhom, PSV kienu temmew fit-tieni post ta’ Grupp A, mirbuħ minn Arsenal.

Huma jinżlu għal din il-partita b’moral mill- aktar għoli hekk kif qed jiġru bil-kampjonat, tant, li ilhom ma jitilfu għal dawn l-aħħar 22 logħba li fihom ġew miżmuma darbtejn biss.

Min-naħa l-oħra, il-captain, Luuk de Jong, jinsab għaddej minn forma tajba minħabba li skorja 27 goal minn 34 logħba.

Minkejja li jinsabu fir-raba’ post fil-Bundes­liga u 17-il punt taħt il-leaders Bayer Leverku­sen, Borussia Dortmund xorta waħda għandhom il-potenzjal li jissuperaw dan ir-round.

Aktar minn hekk, huma ilhom ma jitilfu għal dawn l-aħħar disa’ partiti fil-kompetizzjonjiet kollha.

Il-coach ta’ PSV, Peter Bosz, se jkollu jgħaddi mingħajr l-imweġġgħin, Armel Bella-Kotchap u Guus Til, filwaqt li dak ta’ Borussia, Edin Terzic, għandu neqsin lil Ramy Bensebaini, Karim Ade­yemi u Felix Nmecha, għall-istess raġuni.   

Ekonomija

Sport