Meta t-Tlieta intlagħab l-ewwel programm tal-aħħar ġurnata tal-Fażi tal-Gruppi tal-UEFA Champions League, Tottenham Hotspur u Eintracht Frankfurt, ikkwalifikaw mal-Aħħar 16 biex s’issa għaddew 13-il team li jinkludu lil Napoli, Liverpool, Porto, Club Brugge, Bayern Munich, Inter, Chelsea, Real Madrid, Manchester City, Benfica u Paris St Germain. B’hekk l-Erbgħa fadal tliet timijiet oħra biex il-kwadru jkun komplet.
Grupp A
Liverpool v Napoli
Liverpool ġewwa darhom għelbu lil Napoli bl-iskor ta’ 2-0, bil-goals għalihom jaslu tard fil-partita eżattamment minn Mohamed Salah (85) u Darwin Nunez (98). Madankollu, għalkemm temmew b’punti ndaqs daqs Napoli jiġifieri 15-il punt, ir-Reds xorta waħda temmew fit-tieni post minħabba li l-Partenopei kellhom differenza ta’ goals aħjar.
Rangers v Ajax
Ajax barra minn darhom għelbu lil Rangers bl-iskor ta’ 3-1, bl-iskorers għalihom ikunu Steven Berghuis (4) u Mohammed Kudus (29) u Francisco Conceicao (89). L-uniku goal għal Rangers wasal minn James Tavernier (87) minn penalty. Il-ġganti Olandiżi issa se jkunu qed jilagħbu fil-UEFA Europa League.
Grupp B
Porto v Atletico Madrid
Porto ġewwa darhom għelbu lil Club Brugge bl-iskor ta’ 2-1, bil-goals għalihom jaslu minn Mehdi Taremi (5) u Stephen Eustaquio (24). L-uniku gal għall-Madrileni wasal minn auto-goal tal-player ta’ Porto, Ivan Marcano (95).
Bayer Leverkusen v Club Brugge
Bayer Leverkusen u Club Brugge temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ mingħajr goals. Il-Ġermaniżi għalkemm spiċċaw b’punti ndaqs daqs Atletico Madrid jiġifieri ħames punti, se jkunu huma li jilagħbu fil-UEFA Europa League minħabba differenza ta’ goals aħjar, bl-Ispanjoli jisfaw eliminati fi stadju bikri ta’ din il-kompetizzjoni.
Grupp C
Bayen Munich v Inter
Bayern Munich ġewwa darhom fl-Allianz Arena għelbu lil Inter bl-iskor ta’ 2-0, bil-protagonisti għalihom hekk kif irnexxielhom isibu x-xibka jkunu Benjamin Pavard (32) u Eric Maxim Choupo Moting (72).
Plzen v Barcelona
Barcelona barra minn darhom kisbu rebħa tajba ta’ 4-2 kontra Plzen bl-iskorers għall-Katalani jkunu Marcos Alonso (6), Ferran Torres (44, 54) u Pablo Torre (75). Dan sabiex iż-żewġ goals għal Plzen waslu minn Tomas Chory (51, 63) bl-ewwel goal għalih jasal minn penalty. L-Ispanjoli se jkomlu l-esperjenza Ewropea tagħhom fil-UEFA Europa League.
Grupp D
Marseille v Tottenham H.
Tottenham H. barra minn darhom kisbu rebħa drammatika ta’ 2-1 kontra Marseille. Kien Chancel Mbemeba (47) li fetah l-iskor għall-Franċiżi, waqt li Clement Lenglet (54) ġab l-iskor indaqs għal Spurs biex Pierre-Emile Hojbjerg skorja l-goal li ta r-rebħa lil Tottenham u l-ewwel post għalihom f’dan il-grupp bi 11-il punt, bil-Franċiżi jisfaw eliminati.
Sporting CP v Eintracht Frankfurt
Eintracht Frankfurt barra minn darhom għelbu l-isfida ta’ Sporting CP bl-iskor ta’ 2-1, bl-awturi tal-goals għalihom ikunu Daichi Kamada (62) minn penalty u Randal Kolo Muani (72). Kien Arthur Gomes (39) li fetaħ l-iskor għall-Portugiżi, li se jkunu qed jilagħbu fil-UEFA Europa League.