Illum u għada jintlagħab l-ewwel leg tal-kwarti-finali tal-UEFA Champions League b’erba’ partiti mill-aktar interessanti.
Arsenal, Aston Villa, Barcelona, Bayern Munich, Borussia Dortmund, Inter, Paris St-Germain u Real Madrid huma tmien timijiet li se jkunu qed jimmiraw li jaqtgħu l-passaġġ għas-semi-finali tal-iżjed kompetizzjoni prestiġjuża fid-dinja fil-livell ta’ clubs. Il-partiti kollha jibdew fid-9.00 pm.
Arsenal v Real Madrid (illum):
Iċ-champions renjanti, Real Madrid, ikomplu d-difiża tat-titlu kontra Arsenal, bl-ewwel leg jinlagħab f’Londra.
Real Madrid, li għaddew anke għal finali tat-tazza Spanjola, qegħdin jissieltu ma’ Barcelona biex jirbħu l-kampjonat Spanjol.
Peró, nhar is-Sibt li għadda huma sfaw megħluba f’darhom minn Valencia bl-iskor ta’ 2-1.
It-team immexxi mill-coach, Carlo Ancelotti, jimmira li jerġa’ jkollu staġun dominanti ieħor, bil-Franċiż Kylian Mbappe jittama li jirbaħ l-ewwel unuri fl-ewwel staġun tiegħu ma’ Los Blancos.
Min-naħa tagħhom, Arsenal jinsabu fit-tieni post tal-Premier League b’distakk ta’ 11-il punt mil-leaders Liverpool.
Il-fatt li ċ-ċansijiet tagħhom li jirbħu l-Premier League huma remoti meta fadal seba’ partiti għat-tmiem, il-Gunners qed idawru l-attenzjoni tagħhom f’din il-kompetizzjoni konxji mill-fatt li se jiffaċċjaw ostaklu mill-aktar diffiċli.
Nhar is-Sibt li għadda huma marru għand Everton u ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1.
Il-coach, Mikel Arteta, se jkollu jgħaddi mingħajr bosta players li jinsabu mweġġgħin, fosthom Gabriel Jesus, Kai Havertz, Takehiro Tomiyasu, Gabriel Magalhaes, u Riccardo Calafiori filwaqt li Raheem Sterling huwa sospiż.
Il-Madrileni għandhom lil Dani Carvajal u Eder Militao li qed jirkupraw minn injury filwaqt li Aurelien Tchouameni huwa sospiż.
BAYERN MUNICH v INTER (illum):
Bayern Munich jospitaw lill-Inter f’ripetizzjoni tal-finali tal-edizzjoni tal-2010, meta t-team Taljan kien rebaħ 2-0 f’Madrid biex għaqqad il-famuża Treble taħt it-tmexxija tal-coach, José Mourinho.
Taħt ir-responsabbiltá tal-coach, Vincent Kompany, it-team Ġermaniż jimmira li jikkwalifika għall-finali konxju mill-fatt li l-finali se tintlagħab proprju fl-Allianz Arena, l-istadium fejn jospita l-logħbiet tiegħu.
Il-Bavarjani jinsabu fil-quċċata tal-Bundesliga bl-attakkant Harry Kane ikun fost l-aktar players determinanti għalihom.
Huma għaddew mal-aħħar tmienja wara li eliminaw lil Bayer Leverkusen.
Sadanittant, Inter għaddew għal dan ir-round wara li għelbu lil Feyenoord tal-Olanda.
In-Nerazzurri qed jerġgħu jimmiraw għat-Treble, din id-darba taħt it-tmexxija tal-coach Simone Inzaghi.
BARCELONA v BORUSSIA D. (għada):
Barcelona jospitaw lil Borussia Dortmund, bl-Ispanjoli jibdew favoriti li jikkwalifikaw għas-semi-finali.
It-team immexxi mill-coach, Hansi Flick, jinsab ukoll fl-isfida għar-rebħ tat-titlu. Huwa wasal sa dan l-istadju wara li elimina lil Benfica.
Ispirati mill-player ta’ talent Lamine Yamal, Barcelona ġew it-tieni fil-fażi tal-gruppi, wara Liverpool li jinsabu eliminati minn din il-kompetizzjoni.
Huma jittamaw li jirkurpraw lil Dani Olmo kemm jista’ jkun malajr wara li weġġa’ fil-partita riċenti kontra Osasuna.
Borussia, min-naħa tagħhom, jippruvaw ipattu għad-diżappunt tagħhom fil-kamp domestiku. Huma eliminaw lil Sporting fir-round preċedenti.
Barcelona se jkunu mingħajr Marc Benal, Inigo Martinez, Marc-Andre ter Stegen, Marc Casado u Dani Olmo.
Min-naħa ta’ Borussia, dawn se jkollhom jgħaddu mingħajr Niklas Sule u Marcel Sabitzer filwaqt li Pascal Gross huwa sospiż.
PARIS SG v ASTON VILLA (għada):
Paris St-Germain jibdew favoriti meta jospitaw lil Aston Villa.
Il-Pariġini għandhom il-moral għoli hekk kif nhar is-Sibt li għadda ġew dikjarati champions meta fadal sitt partiti biex jintemm il-kampjonat.
Taħt il-coach Luis Enrique, huma eliminaw lil Liverpool bl-għoti tal-penalties iżda kien jimmeritahom il-kwalifikazzjoni minħabba li kienu l-aħjar team fiż-żewġ legs.
Huma se jaffrontaw lill-eks coach tagħhom, Unai Emery, li jinsab fit-tmexxija ta’ Aston Villa u li ttrasformahom f’team formidabbli, kemm fl-Ingilterra u kif ukoll fl-Ewropa.
Il-Villans jinsabu wkoll fis-semi-finali tal-FA Cup hekk kif qed jittamaw li jagħlqu l-istaġun bir-rebħ ta’ xi unur.