Meta llum u għada jintlagħab it-tieni leg tal-Aħħar 16 tal-UEFA Champions League, bla dubju, l-attenzjoni tkun immirata fuq il-belt ta’ Madrid hekk Ateltico jospitaw lil Real wara li fl-ewwel leg dawn tal-aħħar ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.
Partita oħra interessanti hija dik bejn Liverpool u Paris St-Germain, bl-Ingliżi jibdew b’vantaġġ ta’ 1-0 f’Anfield.
Atletico v Real Madrid – Dan huwa konfront kolossali li se jintalagħab fil-Metropolitano Stadium bejn żewġ timijiet rivali ta’ xulxin.
It-team immexxi mill-coach, Carlo Ancelotti, jieħu miegħu vantaġġ ta’ 2-1 u għaldaqstant kollox huwa miftuħ beraħ, quddiem attendenza ostili kif jafu jippreżentaw il-partitarji ta’ Atletico f’dan id-derby tant jaħraq.
Fl-ewwel leg kienu Rodrygo u Brahim Diaz li skorjaw għal Real filwaqt Julian Alvarez wieġeb għal Atletico.
Liverpool v Paris St-Germain– Dan huwa konfront tant mistenni bejn żewġ timijiet li qed jillidjaw il-klassifika tal-kampjonati rispettivi b’vantaġġ sostanzjali.
Minkejja li Liverpool se jibdew b’vantaġġ ta’ 1-0 f’darhom huma ‘l bogħod mill-kwalifikazzjoni.
Dan minħabba li fl-ewwel leg il-Pariġini wrew il-potenzjal tagħhom fejn iddominaw il-partita iżda sabu lill-goalkeeper tar-Reds, Alisson Becker, f’burdata brillanti billi salva dak kollu mitfugħ lejh … biex fl-uniku xutt li ndrizza t-team immexxi mill-coach, Arne Slot, tliet minuti mit-tmiem, skorja dak li kellu jkun il-goal tar-rebħa b’xutt angolat minn Harvey Elliot.
Leverkusen v Bayern M. – Fid-derby tal-Ġermanja, Bayer Leverkusen jilqgħu lil Bayern Munich hekk kif iridu jirkupraw żvantaġġ ta’ tliet goals.
Dan huwa defiċit li diffiċli biex jintlaħaq kontra l-leaders tal-Bundesliga għalkemm wieħed irid jistqarr ukoll li fi tmiem il-ġimgħa li għadda, iż-żewġ timijiet sfaw megħluba f’darhom fil-kampjonat kontra timijiet inferjuri.
Goals minn doppjetta ta’ Harry Kane (wieħed minnhom permezz ta’ penalty) u goal ieħor minn Jamal Musiala taw vantaġġ komdu lill-Bavarjani li, bla dubju, jinżlu għal dan il-konfront bit-tattika li jiffollaw nofs il-ground biex jagħmluha diffiċli għall-avversarji ħalli jibnu l-kostruzzjoni offensiva.
Bla dubju, il-kwalifikazzjoni tkun pass ieħor psikoloġiku għal Bayern hekk kif il-finali se tintlagħab proprju fil-ground tagħhom, l-Allianz Arena.
Barcelona v Benfica – Wara li fi tmiem il-ġimgħa ma kienux impenjati fil-kampjonat domestiku minħabba l-mewt għall-għarrieda tat-tabib tal-club, Barcelona jilqgħu lil Benfica u jibdew b’vantaġġ ta’ 1-0 liema goal kien skorjat minn Raphinha f’partita li fiha lagħbu bi player inqas għal 70 minuta wara li tkeċċa Pau Cubarsi.
Peró, jidher li l-Katalani m’għandhomx ifallu.
Inter v Feyenoord – Inter jilagħbu f’darhom kontra l-Olandiżi ta’ Feyenoord u jidher li għandhom sieq waħda fil-kwarti-finali hekk kif qed igawdu vantaġġ ta’ żewġ goals skorjati minn Marcus Thuram u Lautaro Martinez.
Il-leaders tas-Serie A joħorġu biex jiskorjaw l-ewwel goal biex joqtlu kull tama għall-avversarji. Iżda jekk dawn tal-aħħar ikunu huma li jiftħu l-iskor, il-konfront isir wieħed delikat għan-Nerazzurri.
Aston Villa v Club Brugge – Aston Villa jibdew favoriti netti li jaqtgħu l-passaġġ mal-aħħar tmienja meta jilqgħu lit-team modest ta’ Club Brugge u jibdew it-tieni 90 minuta fil-vantaġġ ta’ 3-1 … wara goals minn Leon Bailey, auto-goal ta’ Brandon Mechele u Marco Asensio filwaqt li Maxim De Cuyper skorja għall-Belġjani.
Arsenal v PSV Eindhoven – Dan il-konfront huwa biss formalitá minħabba li Arsenal se jibdew it-tieni leg fil-vantaġġ ta’ 7-1 kontra l-Olandiżi ta’ PSV Eindhoven.
Iżda filwaqt li l-Gunners skorjaw din il-valanga ta’ goals minn Martin Odegaard (2), Mikel Merino, Jurrien Timber, Ethan Nwaneri, Leandro Trossard u Riccardo Calafiori, qed ibatu biex jiskorjaw fil-kampjonat Ingliż.
Huma jistennew ir-rebbieħ bejn Aletico Madrid u Real Madrid.