Monday, December 23, 2024

UCL: Kollox għadu miftuħ għal Man Utd u Juventus

Aqra wkoll

Illum u għada jintlagħbu ż-żewġ programmi l-oħra tat-tieni leg tal-Aħħar 16 tal-UEFA Champions Lea­gue fejn l-aktar żewġ partiti li jinteressaw lilna l-Maltin huma bejn Manchester United u Atletico Madrid … u Juventus v Villarreal  li spiċċaw fi draws identiċi ta’ 1-1 u għaldaqstant kollox għadu miftuħ beraħ. 

Fiż-żewġ logħbiet l-oħra, Ajax jospitaw lil Benfica (2-2) filwaqt li Chelsea jmorru għand Lille b’vantaġġ ta’ 2-0. 

Man Utd v Atletico M.  – Manchester United jilq­għu lil Atletico Madrid fejn jimmiraw li “jsalvaw” l-istaġun billi jkomplu javvanzaw f’din il-kompetiz­zjoni. 

Fl-ewwel leg huma spiċ­ċaw fi draw ta’ 1-1 fejn ir-Red Devils salvaw il-partita  b’goal ta’ Anthony Elanga wara li Joao Felix fetaħ l-iskor għall-Ispanjoli.

Huma mistennija jkunu bl-aqwa formazzjoni possibbli fejn se jirritornaw Bruno Fernandes, Luke Shaw u Scott McTominay, wara li kienu neqsin fir-reb­ħa ta’ 3-2 fuq Tottenham fil-Premier League Ingliż. 

Min-naħa tiegħu, Diego Simeone ma jistax jinkludi lil Yannick Carrasco li hu sospiż filwaqt li Matheus Cunha, Daniel Wass, Sime Vrsaljko, Thomas Lemar, Mario Hermoso u Geoffrey Kondogbia għadhom mweġġgħin.

Ajax v Benfica  – Din il-partita hija waħda bilanċjata għalkemm Ajax jibdew favoriti li jgħaddu minħabba li se jkunu qed jilagħbu quddiem il-partitarji tagħhom stess wara li temmew fi draw ta’ 2-2 fl- ewwel leg.

Minkejja f’darhom, Ben­fica bdew jiġru wara r-riżultat meta l-Olandiżi skorjaw minn Dusan Tadic u Sebastian Haller wara li l-istess player ikkommetta auto-goal bil-goal l-ieħor għall-Portugiżi jasal minn Roman Yaremchuk.

Il-coach Erik Ten Haag ma għandu l-ebda proble­mi ta’ players neqsin iżda Yaremchuk huwa dubjuż għal Benfica filwaqt li se jkollhom jgħaddu min­għajr is-servizzi tal-imweġ­ġgħin, Haris Seferovic u Rod­rigo Pinho.

Lille v Chelsea  – Min­kejja li huma mifnijin minn problemi amministrattivi u saħansitra sanzjonati mill-gvern Ingliż, iċ-champions Ewropej Chelsea jmorru jilagħbu għand Lille fejn jieħdu magħhom vantaġġ ta’ 2-0 liema goals ġew skor­jati minn Kai Havertz u Christian Pulisic.

Il-Pensioners ġejjin minn rebħa ta’ 1-0 fuq New­castle f’dik li kienet msemmija bħala l-”logħba tal-mistħija” minħabba li ż-żewġ clubs huma mmex­xija minn sidien mixlijin li appoġġaw ħasil ta’ flus u saħansitra qtil … b’dak li qed iseħħ fir-Russja kif ukoll bil-qtil u b’dak li qed jiġri fl-Arabja Sawdita dwar id-drittijiet tal-bniedem u bl-assassinju tal-ġurnalist famuż, Jamal Khashoggi. 

Intant, Lille ma tantx għaddejjin minn mument tajjeb fejn wara li rebħu l-kampjonat fl-istaġun li għadda, bħalissa jinsabu fis-sitt post tal-klassifika ta’  Ligue 1. 

Huma ġejjin minn draw diżappuntanti ta’ 0-0 kontra St Etienne f’darhom.

Chelsea għandhom lil Ben Chilwell imweġġa’ fil­waqt li Romelu Lukaku mistenni jitħalla barra biex minfloku jilgħab Timo Werner. 

Juventus v Villarreal  – Juventus għandhom ostaklu diffiċli meta jilqgħu lil Villarreal wara li fl-ewwel leg temmew fi draw ta’ 1-1. 

Dan huwa wkoll konfront bejn żewġ coaches li rebħu bosta unuri u ma għandhom bżonn tal-ebda introduzzjoni – Massimi­liano Allegri u Unai Emery.

Il-Bianconeri għandhom lista ta’ players imweġ­ġgħin li jinkludu lil Federico Bernardeschi, Federico Chiesa u Giorgio Chiellini filwaqt li Danilo mistenni jirritorna. 

Min-naħa tal-Ispanjoli, dawn ma jistgħux jinkludu lil Gerard Moreno, Francis Coquelin u Ruben Pena għax qed jirkupraw minn injury filwaqt li Giovani Lo Celso huwa dubjuż. 

Ekonomija

Sport