Thursday, March 19, 2026

UCL: Komplet il-kwadru kollu tal-kwarti-finali

Aqra wkoll

 

Meta ntlagħab it-tieni programm tat-tieni leg tal-Aħħar 16 tal-UEFA Champions, Atletico Madrid, Barcelona, Bayern Munich u Liverpool, ingħaqdu ma’ Arsenal, Paris St-Germain, Real Madrid u Sporting fil-kwarti-finali. 

Liverpool v Galatasaray – Liverpool qatgħu l-passaġġ mal-aħħar tmienja meta ssuperaw it-telfa ta’ 1-0 li kienu sofrew kontra Galatasaray b’rebħa ta’ 4-0 u b’wirja brillanti, għal aggregate ta’ 4-1 … liema rebħa setgħet kien ferm akbar hekk kif laqtu l-lasta darbtejn u fallew bosta okkażjonijiet ta’ skor. 

Il-goals waslu minn Dominik Szoboszlai (25), Hugo Ekitike (52), Ryan Gravenberch (53) u Mohamed Salah (62) li falla penalty fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, meta l-goalkeeper,  Ugurcan Cakir, salva x-xutt tiegħu.

Barcelona v Newcastle – Barcelona umiljaw lil Newcastle bl-iskor ta’ 7-2 biex ikkwalifikaw b’aggregate ta’ 8-3.

Sal-ewwel taqsima ġew skorjati ħames goals hekk kif il-Katalani daħlu jistrieħu fil-vantaġġ ta’ 3-2 permezz ta’ Raphinha (6), Marc Bernal (18) u Lamine Yamal (45 pen) filwaqt li Anthony Elanga (15, 28) wieġeb għall-Magpies.

Kulħadd antiċipa li t-tieni taqsima kienet se tkun ferm eċċitanti … iżda Barca skorjaw erba’ goals mingħajr risposta … minn Fermin Lopez (52) b’xutt lejn ir-rokna tax-xibka, doppjetta minn Robert Lewandowski (56) permezz ta’ daqqa ta’ ras u fil-61 minuta meta approfitta minn żball difensiv u minn Raphinha (72) li għaqqad id-doppjetta personali.  

Bayern M. v Atalanta – Bayern Munich komplew juru l-qawwa tagħhom meta għelbu lil Atalanta bl-iskor ta’ 4-1 goal aggregate ta’ 10-2.

Il-Bavarjani fetħu l-iskor fil-25 minuta minn penalty ta’ Harry Kane biex l-istess player irdoppja fl-54 minuta. Iż-żewġ skorers l-oħra kienu Lennart Karl (56) u Luis Diaz (70) filwaqt li Lazar Samardzic (86) wieġeb għat-Taljani.

Tottenham v Atletico M. – Tottenham laqgħu lil Atletico Madrid u għelbuhom bl-iskor ta’ 3-2 iżda  kienu l-Ispanjoli li komplew javvanzaw għar-round li jmiss bl-aggregate ta’ 7-5.

L-iskorers ta’ Spurs kienu Randal Kolo Muani (30), Xavi Simons (52, 91 pen) li skorja doppjetta filwaqt li Julian Alvarez (47) u David Hancko (75).

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport