Lionel Messi kien il-protagonista u l-ispirazzjoni biex Paris St-Germain ikkwalifikaw għall-Aħħar 16 meta għelbu lil Maccabi Haifa bl-iskor ta’ 7-2.
L-attakkant Arġentin xejn ma kien qed juri l-aħjar logħob tiegħu fl-ewwel staġun tiegħu mal-Pariġini hekk kif fis-sajf tas-sena li għaddiet ingħaqad magħhom mingħand Barcelona. Infatti kien ‘il bogħod ħafna biex ikun minn fost il-kandidati li jirbaħ il-Ballun tad-Deheb wara li rebaħ dan l-unur seba’ darbiet mal-Katalani.
Peró, dan il-player ta’ 35 sena, f’dan l-istaġun huwa wieħed trasformat fejn skorja sitt goals u pproduċa disa’ assists, f’disa’ logħbiet tal-kampjonat Franċiż.
Fil-partita kontra Maccabi, Messi kien fiċ-ċentru ta’ kollox fejn kull offensiva ħarġet minn saqajh. Minbarra li skorja żewġ goals, huwa kien is-surmast f’nofs il-ground fejn saħħar li kull partitarju fil-ground u lit-telespettaturi kollha madwar id-dinja … hekk kif reġa’ fakkar il-maġija li kellu ma’ Barcelona.
Messi rritorna għall-massimu tiegħu!!