Saturday, December 21, 2024

UCL: Liverpool u Man City jibdew favoriti li jgħaddu għall-kwart-finali

Aqra wkoll

Illum u għada jintlagħbu l-ewwel żewġ programmi tat-tieni leg tal-Aħħar 16 tal-UEFA Champions League fejn Manchester City u Liverpool jibdew favoriti li jkomplu javvanza għall- kwarti-finali hekk kif rebħu l-ewwel leg barra minn darhom kontra Sporting Lis­bon u Inter rispettivament.  

Dan filwaqt li l-partiti bejn Bayern Munich v Salzburg u Real Madrid v Paris St-Germain huma miftuħin beraħ.

Bayern M. v Salzburg  – Bayern Munich jilqgħu lil Salzburg f’konfront mill-aktar delikat wara li fl-ewwel leg kellhom wirja diżappuntanti mingħajr ma jitnaqqas l-ebda mertu lill-Awstrjaċi. 

Kellu jkun Kingsley Coman li salva r-riżultat għall-Bavarjani wara li Chukwubuike Adamu kien poġġa lil Salzburg fil-vantaġġ.

Bayern se jkollhom neqsin lil Corentin Tolisso, Manuel Neuer, Alphonso Davies u Leon Goretzka  li għadhom mweġġgħin b’Thomas Muller mistenni jirritorna wara li kien ma jiflaħx.

Salzburg għandhom lista twila ta’ players mhux disponibbli – Albert Vallci, Sekou Keita, Ousmane Dia­kite, Bryan Okoh, Benjamin Sesko, Jerome On­guene, Noah Okafor u Oumar Solet.

Liverpool v Inter – Liverpool jibdew b’vantaġġ ta’ żewġ goals meta jilqgħu lil Inter u għaldaqstant jibdew favoriti li jaqtgħu l-passaġġ tagħhom għar-round li jmiss.

Huma jridu juru rispett massimu lejn l-avversarji tagħhom konxji mill-fatt tal-qawwa tagħhom fejn fl-ewwel leg iddominaw għal bosta ħinijiet minkejja li Roberto Firmino u Mohamed Salah taw ir-rebħa lir-Reds. 

Il-manager ta’ Liverpool, Jurgen Klopp, jista’ wkoll jagħmel użu mit-tliet players, Thiago Alcantara, Ro­berto Firmino u Joel Matip, wara li niżlu għat-taħriġ ma’ sħabhom. 

Min-naħa tan-Nerazzurri, għandhom lil Nicoló Barella sospiż filwaqt li Ivan Perisic irid isirlu test aħħari. 

Man City v Sporting – Din il-partita hija biss formalitá hekk kif il-manager ta’ Manchester City, Pep Guardiola, mistenni jserraħ bosta players wara li fl-ewwel leg huma għelbu lil Spor­ting Lisbon bl-iskor ta’ 5-0 fil-Portugall. 

Bħalissa, is-Citizens jin­sabu għaddejjin minn vena mill-aqwa u proprju nhar il-Ħadd li għadda l-ġirien Manchester United kienu l-aħħar vittmi meta għelbuhom bl-iskor ta’ 4-1 fil-Premier League Ingliż … fejn huma wkoll fost il-favoriti li jirbħu din il-kompetiz­zjo­ni.

Guardiola se jkollu jgħaddi mingħajr is-servizzi ta’ Ruben Dias li qed jirkupra minn injury filwaqt li Zack Steffen, Nathan Ake u Cole Palmer huma dubjużi.

Sporting Lisbon għandhom lil Matheus Nunes sospiż filwaqt li Daniel Braganca, Joao Palhinha u Pote jinsabu mweġġgħin.

Real Madrid v Paris St- Germain – Fl-aqwa partita, Real Madrid jittamaw li jdawru telfa ta’ 1-0 kontra Paris St-Germain bil-goal ta’ dawn tal-aħħar jasal proprju fl-aħħar azzjoni tal-logħba minn Kylian Mbappe.

Dan huwa konfront miftuħ għal kull riżultat u għaldaqstant, il-fatt li r-re­gola tal-goals away li jgħoddu doppju m’għad­hiex teżisti kollox huwa possibbli. 

Filwaqt li t-timijiet huma fost l-aktar qawwija fl-Ewropa u t-tnejn qed jillidjaw il-klassifiki tal-kampjonati domestiċi, il-Madrileni se jkollhom il-vantaġġ li se jku­nu qed jilagħbu qud­diem il-partitarji tagħhom stess. Ferland Mendy u Ca­simero huma sospiżi filwaqt li Toni Kroos għadu qed jirkupraw minn injury fil-hamstring. 

Għall-Pariġini, l-eks Sergio Ramos, Leandro Paredes u Ander Herrera, se jkunu neqsin ukoll. 

Ekonomija

Sport