Friday, December 13, 2024

UCL: Liverpool u Man City jirreġistraw rebħa kull wieħed

Aqra wkoll

Meta t-Tlieta intlagħab l-ewwel programm tal- ewwel leg tal-kwarti-finali tal-UEFA Champions League,  Liverpool u Manchester City għandhom vantaġġ meta għelbu lil Benfica (3-1) u lil Atletico Madrid (1-0). 

Benfica v Liverpool – Li­verpool marru għand Benfica u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1 wara li fl-ewwel taqsima ddominaw iżda wara l-mistrieħ kellhom jitħabtu sakemm skorjaw it-tielet goal.  

L-ewwel azzjoni pe­ri­koluża waslet min-naħa ta’ Liverpool eżattament fl-10 minuta meta Sadio Mane għadda bit-takkuna lejn Mohamed Salah li l-konklużjoni tiegħu ġiet salvata bis-sieq mill-goalkeeper Odis­seas Vlachodimos.

Madankollu seba’ minuti wara, ir-Reds fetħu l-iskor me­ta Ibrahima Konate kkonkluda bir-ras mill-corner ta’ Andrew Ro­bertson.   

Huma komplew jiddomi­naw bil-Portugiżi jirtiraw lura biex jassorbu l-pressjoni tal-avversarji u bdew jippruvaw joperaw bil-kontrattakki. 

Naby Keita u Mohamed Salah fallew żewġ okkażjonijiet faċli f’temp ta’ ftit minuti.

Iżda, fl-34 minuta, Liverpool irduppjaw meta l-cross ta’ Trent  Alexander-Arnold sab lil Luis Diaz li kom­pla bir-ras lejn Sadio Mane li bil-kalma kollha rtokka l-ballun fix-xibka.

Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima,  Vlachodimos evita goal ċert meta salva t-tentattiv ta’ Mohamed Salah li ħarab waħdu f’kontrattakk veloċi … fejn seta’ għalaq il-logħba. 

Ta’ dan in-nuqqas huma pattew qares minħabba li erba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Benfica naqqsu l-marġni tal-iskor meta żball fid-difiża tar-Reds ippermetta lil Rafa Silva jgħaddi lil Darwin Nunez li għeleb għal kollox lil Alisson 

U fit-62 minuta l-istess Alisson kien providenzjali għar-Reds meta salva x-xutt ta’ Everton mill-viċin. 

Wara dan il-goal, Benfica żiedu l-isforzi tagħhom biex jiksbu d-draw iżda kien Luis Diaz li ssiġilla r-rebħa għat-team immexxi mill-manager, Jurgen Klopp … u favoriti li jgħaddu għas-semi-finali. 

Man City v Atletico Madrid – F’partita mill-aktar diffiċli, Manchester City irnexxielhom jegħlbu lil Atletico Madrid bl-iskor ta’ 1-0.

Wara kwarta logħob Manchester City appellaw għal penalty meta Koke deher jagħmel kuntatt ma’ Bernardo Silva fil-kaxxa iżda wara verfikazzjoni mal-VAR il-kuntatt kien wieħed mi­nimu.

Għalkemm is-Citizens kie­­nu l-aħjar team huma sabu quddiemhom difiża dixxiplinata li għalqet l-ispazji kollha neċessarji biex l-Ingliżi sabuha ferm diffiċli biex jippenetraw bil-konsegwenza li rari mpenjaw lill-goalkeeper avversarju Jan Oblak. 

Lejn tmiem l-ewwel taqsima Manchester City ipprotestaw għal penalty ieħor meta Kevin De Bruyne deher jaqa’ bejn żewġ di­fensuri. Iżda fil-veritá waqa’ mingħajr l-ebda kuntatt u għaldaqstant il-coach ta’ Atletico, Diego Simeone, beda jipprotesta biex De Bruyne jiġi muri l-karta safra għal simulazzjoni. 

Żewġ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Manchester City resqu viċin permezz ta’ Ilkay Gundogan li iżda ġie antiċipat fil-ħin minn Savic biex seta’ jagħmel xi forma ta’ ħsara. 

Fil-55 minuta, kellu jkun Oblak li ċaħħad li De Bruyne li deher li seta’ jiskorja. 

Fl-64 minuta, Aymeric La­porte resaq viċin iżda minn pożizzjoni ideali d-daqqa ta’ ras tiegħu kienet dgħajfa.

Peró fis-70 minuta huma fetħu l-iskor minn Kevin De Bruyne li xeħet fir-rokna tax-xibka wara li rċieva mingħand Phil Foden. 

Ekonomija

Sport