Illum u għada jintlagħab it-tieni leg tal-kwarti-finali tal-UEFA Champions League fejn ikunu magħrufa l-aħħar erbgħa ta’ din il-kompetizzjoni l-aktar prestiġjuża fl-Ewropa … fejn Real Madrid u Liverpool jibdew favoriti li jikkwalifikaw wara li barra minn darhom ħarġu rebbieħa bl-iskor identiku ta’ 3-1.
Real Madrid v Chelsea – Real Madrid jilqgħu lil Chelsea fejn jibdew b’vantaġġ ta’ 3-1 li kisbu fi Stamford Bridge. L-attakkant tagħhom Karim Benzema huwa l-player tal-mument għalihom hekk kif skorja it-tliet goals b’Kai Havertz inaqqas il-marġni tal-iskor għat-team Ingliż.
Fil-veritá din se tkun partita mill-aktar diffiċli għall-Pensioners fejn hija kważi missjoni impossibbli … peró fil-football huwa kollox possibbli.
Real Madrid għandhom lil Eden Hazard u Luka Jovic imweġġgħin filwaqt li Isco huwa dubjuż. Min-naħa l-oħra, Militao huwa sospiż.
Iż-żewġ players neqsin għal Chelsea huma Ben Chilwell u Callum Hudson-Odoi.
Bayern M. v Villarreal – Villareal imorru l-Ġermanja biex jaffrontaw lil Bayern Munich f’logħba ferm delikata u miftuħa għal kull riżultat.
It-team Spanjol kiseb rebħa storika ta’ 1-0 fl-ewwel leg bil-goal jasal mill-aħjar player tagħhom Arnaut Danjuma.
Bayern jimmiraw li jdawru r-riżultat u hu għalhekk li l-coach ta’ Villareal, Unai Emery, se jkun qed iħejji metodu tattiku difensiv biex irażżan il-furja tal-avversarji tiegħu li huma rinomati li jiskorjaw ħafna goals fl-Allianz Arena.
Emery ma jistax jinkludi lil Alberto Moreno li għandu injury fit-tul filwaqt li Boulaye Dia għadu dubjuż.
Il-Bavarjani jilqgħu lura lil Alphonso Davies u Lucas Hernandez iżda Niklas Sule, Bouna Sarr, Corentin Tolisso u Eric Choupo-Moting jinsabu indisposti.
Liverpool v Benfica – Liverpool jilqgħu lil Benfica meta għandhom vantaġġ ta’ 3-1 … li kienu kisbu f’Esta dio da Luz bl-iskorers ikunu Ibrahima Konate, Sadio Mane u Luis Diaz filwaqt li Darwin Nunez kien naqqas id-distakk għall-Portugiżi.
Il-coach, Jurgen Klopp, m’għandux problemi ta’ players neqsin u għaldaqstant għandu l-lussu tal-għażla fejn mistenni jagħmel xi tibdil wara d-draw ta’ 2-2 kontra Manchester City fil-kampjonat domestiku.
Mill-banda l-oħra, il-coach ta’ Benfica, Nelson Verissimo, se jkollu jgħaddi mingħajr l-attakkant Rodrigo Pinho u d-difensur ċentrali Lucas Verissimo minħabba li qed jirkupraw minn injury.
Atletico v Man City – Manchester City imorru jilagħbu fil-Wanda Metropolitano Stadium biex jiffaċċjaw lil Aletico Madrid wara li kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor minimu ta’ 1-0 u għaldaqstant dan il-konfront għadu miftuħ beraħ … anke jekk forsi l-Ingliżi jibdew xi ftit favoriti li jgħaddu għar-round li jmiss.
Il-goal importanti kien skorjah Kevin De Bruyne u bħalissa huwa l-player tal-mument … anke fid-draw ta’ 2-2 kontra Liverpool ta’ nhar il-Ħadd li għadda, huwa kien ġie vvutat bħala l-aħjar player.
Filwaqt li huma se jkunu mingħajr id-difensur Ruben Dias minħabba li jinsab jirkupra minn injury, l-Ispanjoli ma jistgħux jinkludu lil Hector Herrera u Jose Maria Gimenez għax imweġġgħin.