Meta beda jintlagħab it-tieni leg tal-Aħħar 16 tal-UEFA Champions League, saru magħrufa l-ewwel erba’ kwarti-finalisti. Dawn huma Arsenal, Paris St-Germain, Sporting u Real Madrid.
Man City v Real Madrid – Fl-aqwa partita tal-ġurnata, barra minn darhom Real Madrid għelbu lil Manchester City bl-iskor ta’ 2-1 biex ikkwalifikaw b’aggregate ta’ 5-1.
Wara li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0, il-Madrileni aċċertaw il-kwalifikazzjoni meta fl-20 minuta ngħataw penalty għal handball deliberat minn Bernardo Silva li ntwera l-karta l-ħamra … u mill-11-il metru Vinicius Jr xeħet lill-goalkeeper, Gianluigi Donnarumma fuq in-naħa l-ħażina.
Peró, fil-41 minuta, is-City naqqsu l-marġni minn Erling Haaland.
Fl-94 minuta, Vinicius Jr issiġilla r-rebħa u l-kwalifikazzjoni għal Real.
Sporting v Bodo-Glimt – Sporting għelbu lil Bodo-Glimt bl-iskor ta’ 5-0 wara l-ħin barrani, biex għaddew b’aggregate ta’ 5-3 wara li fl-ewwel leg in-Norveġizi kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0.
Kien Gonzalo Inacio (34) li fetaħ l-iskor għall-Portugiżi meta kknokluda bir-ras mill-corner ta’ Francisco Trincao.
Fil-61 minuta, huma rduppjaw meta minn kontrattakk veloċi, Geny Cantamo xeħet pass fit-tul lejn Luis Suarez li żmarka li Pedro Goncalves li kien pront xeħet il-ballun fix-xibka.
Fit-78 minuta, Sporting ingħataw penalty meta Fredrik Bjorkan ġie ġġiudikata mill-VAR li mess il-ballun b’idu … u mill-11-il metru Luis Suarez ma żbaljax … u b’aggregate ta’ 3-3, il-partita kellha tmur fil-ħin barrani.
U proprju Maximiliano Araujo (92) u Rafael Nel (122) xeħtu lil Sporting mal-aħħar tmienja.
Arsenal v Leverkusen – Arsenal laqgħu lil Bayer Leverkusen u għelbuhom bl-iskor ta’ 2-0 għal aggregate ta’ 3-1.
Wara li l-Gunners bdew jiddominaw, huma fetħu l-iskor fis-36 minuta minn xutt qawwi ta’ Eberechi Eze minn tarf il-kaxxa.
Fit-63 minuta, huma rduppjaw bi ġmiel ta’ goal ta’ Declan Rice minn 25 metru bogħod.
Chelsea v Paris SG – Chelsea sfaw umiljati minn Paris St-Germain meta f’darhom sfaw megħluba bl-iskor ta’ 3-0 għal aggregate ta’ 8-2.
Fl-ewwel kwarta, il-Pariġini taw id-daqqa mortali lil Chelsea b’żewġ goals minn xutt imdawwar ta’ Khvicha Kvaratskhelia (6) u Bradley Barcola (15) li xeħet fir-rokna tax-xibka.
Fit-62 minuta, il-Franċiżi jiskorjaw t-tielet goal meta Senny Mayulu skorja minn rebound wara li x-xutt ta’ Achraf Hakimi kien imblukkat parzjalment.

