Illum u għada jintlagħab it-tieni leg tal- kwarti-finali tal-UEFA Champions League fejn Manchester City, Inter u Real Madrid huma favoriti li jkomplu javvanzaw meta għandhom vantaġġ tajjeb fuq Bayern Munich (3-0), Benfica (2-0) u Chelsea (2-0) rispettivament.
ILLUM
chelsea v REAL MADRID (0-2)
Chelsea jilqgħu lil Real Madrid b’dawn tal-aħħar jibdew favoriti li jgħaddu mal-aħħar erbgħa wara li f’darhom ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0.
Il-Blues jinsabu fi kriżi hekk kif fi tmiem il-ġimgħa huma sfaw megħluba fi Stamford Bridge minn Brighton bl-iskor ta’ 2-1, biex din kienet it-tielet telfa konsekuttiva minn daqstant l-logħbiet tal-coach temporanju, Frank Lampard.
Għal din il-partita, Ben Chilwell huwa sospiż wara li tkeċċa fl-ewwel leg filwaqt li Kalidou Koulibaly huwa mweġġa’.
Il-fatt li jridu rebħa ta’ 3-0 biex jikkwalifikaw, it-tattika tal-Pensioners se tkun waħda offensiva. Għaldaqstant l-attakk mistenni jkun immexxi minn Raheem Sterling u Mykhailo Mudryk.
Għal Real Madrid, Vinicius Jr huwa dubjuż filwaqt li Ferland Mendy qed jirkupra minn injury.
Antonio Rudiger jista’ jibda bħala difensur ċentrali minflok David Alaba, filwaqt li Aurelien Tchouameni jista’ jibda mill-bidu, għalkemm dan jiddependi fuq il-kundizzjoni ta’ Vinicius Jr.
NAPOLI v MILAN (0-1)
Wara partita mill-isbaħ f’San Siro, Napoli u AC Milan jerġgħu jiltaqgħu bil-Milanisti qed igawdu vantaġġ ta’ 1-0.
Meta ż-żewġ ġganti Taljani ltaqgħu fi Stadio Diego Maradona fil-kampjonat dan ix-xahar, ir-Rossoneri kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor kbir ta’ 4-0, peró dan il-konfront se jkun kompletament differenti.
Iż-żewġ timijiet se jkunu għadhom ġejjin minn riżultat ta’ draw fis-Serie A – dak ta’ mingħajr goals għal Napoli ġewwa darhom kontra Verona, u dak ta’ 1-1 għal AC Milan barra minn darhom kontra Bologna.
Għal Milan, Pierre Kalulu u Zlatan Ibrahimovic huma mweġġgħin.
Aħbar tajba għal Napoli hija r-ritorn Victor Osimhen, li fl-ewwel leg kien imweġġa’. Iżda fuq nota negattiva, il-Partenopei se jkunu mingħajr iż-żewġ players Kim Min-jae u André Anguissa għax jinsabu sospiżi.
GĦADA
Inter v Benfica (2-0)
Wara rebħa ta’ 2-0 barra minn darhom fil-Portugall, Inter għandhom sieq u nofs fis-semi-finali ta’ din il-kompetizzjoni.
Iżda fil-kampjonat domestiku jistgħu jfallu milli jikkwalifikaw għall-istaġun li ġej meta niżlu fil-ħames post wara t-telfa f’darhom ta’ 1-0 kontra Monza, nhar il-Ħadd li għadda.
Iżda anke Benfica ma tantx jinsabu fil-forma mixtieqa hekk kif ġejjin minn telfa ta’ 1-0 kontra Chaves.
Għal Inter, Milan Skriniar huwa mweġġa’ filwaqt li Stefan de Vrij huwa dubjuż wara li weġġa’ ħafif ta’ Benfica, Nicolas Otamendi se jirritorna minn sospensjoni u għandu jkun fil-formazzjoni iniżjali. Iżda Mihailo Ristic, Julian Draxler u Alexander Bah qed jirkupraw minn injury.
bayern m. v MAN CITY (0-3)
Manchester City huma favoriti netti li jikwalifikaw għas-semi-finali meta għand Bayern Munich jieħdu magħhom vantaġġ ta’ 3-0.
Bla dubju, kien mistenni aktar minn Bayern Munich iżda matul dawn l-aħħar ġimgħat għaddew minn kriżi fejn keċċew il-coach, Julian Nagelsmann, u ħatru lil Thomas Tuchel fil-post tiegħu. Iżda dan tal-aħħar ma tantx ġabilhom il-fortuni mixtieqa.
Huma jinżlu għal din il-logħba wara d-draw ta’ 1-1 kontra Hoffenheim fil-kampjonat domestiku.
Min-naħa l-oħra, Manchester City kisbu rebħa ta’ 3-1 fuq Leicester biex baqgħu iżommu l-pass mal-leaders tal-kampjonat, Arsenal. City issa rebħu 10 partiti konsekuttivi fil-kompetizzjonijiet kollha, u ilhom ma jitilfu mill-bidu ta’ Frar li għadda meta sfaw megħluba bl-iskor minimu ta’ 1-0 minn Tottenham.
Għall-Bavarjani, Manuel Neuer u Lucas Hernandez qed jirkupraw minn injury filwaqt li Eric Choupo-Moting huwa dubjuż.
Barra minn hekk, Sadio Mane huwa sospiż mill-club wara li ħebb għall-kollega Leroy Sane proprju wara t-telfa kontra Manchester City.
Għas-Citizens, l-uniku player nieqes huwa Phil Foden li qed jirkupra wara li sartilu operazzjoni.