Wednesday, October 30, 2024

UCL: Manchester City jikkwalifikaw … Maccabi Haifa jaħsdu lil Juventus

Aqra wkoll

Meta bdiet tintlagħab ir-raba’ ġurnata tal-Fażi tal-Gruppi tal-UEFA Champions League, kienu biss Manchester City li serrħu rashom minn post fir-Round tal-Aħħar 16. Fost oħrajn, notevoli kienu r-rebħiet ta’ Maccabi Haifa fuq Juventus u Chelsea fuq AC Milan, barra minn darhom.

Grupp E

Chelsea barra minn darhom f’San Siro għelbu lil AC Milan bl-iskor ta’ 2-0 biex irreġistraw double fuqhom wara li matul il-ġimgħa li għaddiet għelbuhom bl-iskor ta’ 3-0 ġewwa Stamford Bridge. Detrimentali għar-Rossoneri kienet it-tkeċċija Fikayo Tomori permezz ta’ karta ħamra diretta fit-18-il minuta. Il-goals għall-Blues waslu minn Jorginho (21) minn penalty u Pierre Emerick Aubamaeyang (34). 

Mill-istess grupp Dinamo Zagreb u Salzburg temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ 1-1, bil-goal għall-Kroati jasal minn R. Ljubicic (40), waqt li kien N. Seiwald (12) li fetaħ l-iskor għall-Awstrijaċi. 

Grupp F

Real Madrid barra minn darhom kisbu draw drammatiku ta’ 1-1 kontra Shakthar Donetsk, bil-goal għall-Ukreni jasal minn Oleksandr Zubkov (46), waqt li l-Madrileni kisbu l-iskor indaqs permezz tad-difensur Ġermaniż Antonio Rudiger (95). 

RB Leipzig barra minn darhom għelbu lil Celtic bl-iskor ta’ 2-0, bl-iskorers għalihom ikunu Timo Werner (75) u Emil Forsberg (84).

Grupp G

Manchester City barra minn darhom sfaw miżmuma fi draw ta’ mingħajr gowls mid-Daniżi ta’ FC Copenhagen iżda xorta kisbu l-kwalifikazzjoni għar-round tal-aħħar 16. Il-Blues spiċċaw jilagħbu bi player inqas man-nofsiegħa logħob meta tkeċċa għalihom il-player Sergio Gomez permezz ta’ karta ħamra diretta. 

Dortmund u Sevilla temmew il-partita fi draw ta’ 1-1, bl-Ispanjoli jkunu huma li jiftħu l-iskor permezz ta’ Tanguy Nianzou (18), waqt li Jude Bellingham (35) ġab l-iskor indaqs għall-Ġermaniżi.

Grupp H

Maccabi Haifa ġewwa darhom ħasdu lil Juventus meta għelbuhom bl-iskor ta’ 2-0 biex komplew ikabbru l-problemi tal-Bianconeri, bil-pożizzjoni tal-coach Massimiliano Allegri dejjem titpoġġa f’iktar dubju. Dan hekk kif issa Juventus jinsabu f’xifer l-eliminazzjoni minn dan il-grupp. Iż-żewġ goals għall-Iżraeliti waslu minn doppjetta personali ta’ Omer Atzili (7, 42).  

Mill-istess grupp, Paris SG u Benfica temmew il-konfront ta’ bejnitehom fi draw ta’ 1-1, bil-goal għall-Pariġini jasal minn Kylian Mbappe (40) minn penalty, waqt li Joao Mario (62) ukoll minn penalty ġab l-iskor indaqs għall-Portugiżi.

Sport