Iċ-champions Maltin, Hamrun Spartans, illum jilagħbu fil-belt ta’ Georgia, Tbilisi, sabiex jaffrontaw lil Dinamo Tbilisi fit-tieni leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League.
L-Ispartans jibdew din il-partita b’vantaġġ ta’ 2-1 miksub fl-ewwel leg li ntlagħab fl-Istadium Nazzjonali, il-ġimgħa li għaddiet.
Bla dubju, din il-partita hija meqjusa bħala diffiċli għall-Ispartans minħabba li goal wieħed biss jifred liż-żewġ timijiet liema partita tista’ tmur fil-ħin barrani u saħansitra anke għall-għoti tal-penalties.
Intant, fil-logħba preċedenti wara li l-ewwel taqsima ntemmet fi draw ta’ mingħajr goals, kienu Dinamo Tbilisi li marru fil-vantaġġ permezz ta’ Zoran Marusic li għeleb lill-goalkeeper, Federico Marchetti, b’xutt angolat.
Madankollu l-aħħar għaxar minuti kienu maġiċi għall-Ispartans hekk kif dawru telfa f’rebħa grazzi għad-doppjetta ta’ Joseph Mbong.
L-ewwel goal wasal minn rebound wara azzjoni ta’ free-kick mogħti minn Ognjen Bjelicic filwaqt li t-tieni wasal meta kkonkluda mill-cross ta’ Ryan Camenzuli.
B’hekk Mbong sar ir-raba’ player Ħamruniż li skorja doppjetta fil-kompetizzjonijiet Ewropej … wara Raymond Xuereb (28.09.1984 v Balleymena FC), Leo Refalo (07.09.1988 v KS Nentori Tirana) u Joe Brincat (02.09.1992 v NK Maribor).
Dawn l-erba’ doppjetti, jew aħjar skorers, għandhom żewġ affarijiet komuni … li l-goals ġew skorjati fl-Istadium Nazzjonali u li dejjem għamlu l-iskor 2-1 favur l-Ispartans!!
Milli rajna fl-ewwel leg, l-avversarji minn Georgia huma ferm ħfief fil-kontrattakki u għaldaqstant, il-coach Ħamruniż, Luciano Zauri, jrid jagħraf kif jinnewtralizza din il-veloċitá, speċjalment taż-żewġ players, Imrani Oualid Omar u l-awtur tal-goal, Zoran Marusic.
It-team minn Tbilisi se jinżel għal dan il-konfront b’moral mill-aktar għoli hekk kif ġej minn rebħa kontra r-rivali eterni, Lokomotiv Tbilisi, bl-iskor ta’ 1-0, barra minn daru … bl-uniku goal jasal minn Osei Barnes, fil-71 minuta.
Minkejja li din il-partita hija waħda delikata, il-Ħamruniżi għandhom il-potenzjal biex jissuperaw dan ir-round u jibqgħu javvanzaw f’din il-kompetizzjoni.
Mingħajr prużunzjoni, l-objettiv huwa li jsiru l-ewwel team Malti li jilgħab fil-Fażi tal-Gruppi ta’ kompetizzjoni Ewropa.
Fil-veritá huwa għan diffiċli iżda bil-materjal li l-iskwadra tippossjiedi mhuwiex impossibbli.
Zauri m’għandux problemi ta’ players neqsin u għaldaqstant mistenni jinżel bl- aqwa formazzjoni possibbli.
Ħamrun waslu sa din il-fażi wara li sfaw eliminati mill-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League wara żewġ telfiet kontra ċ-champions Iżraeliti, Maccabi Haifa, biex ġew relegati f’din il-kompetizzjoni.
Ir-rebbieħ ta’ dan il-konfront jilgħab kontra r-rebbieħ bejn Shamrock Rovers (Irlanda) u Ferencvaros (Ungerija).
Il-logħba se tintlagħab fil-Boris Paitchadzde Dinamo Arena, fi Tbilisi, li jesa’ 54,139 spettatur. Mibni fl-1976, dan huwa l-ikbar stadium f’Georgia.