Meta ntlagħab it-tieni programm tal-ewwel leg tal-Aħħar 16 tal- UEFA Champions League, Real Madrid u Manchester City ingħaqdu ma’ Bayern Munich u Liverpool fil-kwarti-finali meta għelbu b’aggregate lil Paris St-Germain u lil Sporting Lisbon rispettivament.
Real Madrid v Paris SG – Real Madrid dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Paris St-Germain 3-1 għal aggregate ta’ 3-2.
Fl-ewwel taqsima, it-team immexxi mill-coach Mauricio Pochettino ddomina lill-avversarji, bit- tliet players, Lionel Messi, Neymar u Kylian Mbappe, jkunu ta’ theddida kontinwa.
Peró l-ewwel ċans denju wasal, fil-25 minuta, minn Karim Benzema li x-xutt imdawwar minn tarf il-kaxxa għadda jħakkek mal-lasta.
Madankollu fid-39 minuta, il-Pariġini fetħu l-iskor meta Neymar għadda through pass lejn Kylian Mbappe li qarraq għal kollox bil-goalkeeper, Thibuat Courtois .. biex patta għal goal imħassar għal offside, fl-34 minuta.
Fil-55 minuta, Mbappe reġa’ skorja wara li dar ma Courtois u xeħet fix-xibka iżda kien iġġudikat f’pożizzjoni ta’ offside.
Peró, kienu l-Madrileni li kisbu d-draw, fil-61 minuta minn Karim Benzema, wara clearance ħażin tal-goalkeeper Gianluigi Donnarumma.
U l-istess Benzema kompla jkun il-protagonista u l-eroj tal-Ispanjoli meta skorja żewġ goals oħra fis-76 u fit-78 minuta biex skorja hat-trick fi spazju ta’ 17-ilminuta.
Man City v Sporting – Dan il-konfront kien biss formalitá u bla storja hekk kif Manchester City kellhom vantaġġ ta’ ħames goals fuq Sporting Lisbon.
Fil-veritá din il-partita kienet sessjoni ta’ taħriġ għat-team immexxi mill-manager Pep Guardiola li mingħajr sforz żejjed ikkontrollaw lill-avversarji tagħhom.
Żewġ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, is-sostitut Riyad Mahrez ħaseb li fetaħ l-iskor iżda fl-azzjoni li wasslet għall-goal, Gabriel Jesus kien f’pożizzjoni ta’ offside. Iżda ma tantx kien jimporta għax ir-riżultat baqa’ dak ta’ 0-0.