Illum u għada jkompli jintlagħab l-ewwel leg tal-Aħħar 16 tal-UEFA Champions League bl-aktar partita attraenti tkun dik f’Anfield bejn Liverpool u Real Madrid. Il-logħob kollu jibda fid-9.00 pm
Liverpool v Real Madrid (illum)– Bla dubju, dan huwa l-aqwa konfront ta’ din il-ġimgħa bejn żewġ ġganti kbar tal-football Ewropew, Liverpool u Real Madrid.
F’dawn tal-aħħar erba’ snin huma kkontestaw darbtejn il-finali ta’ din il-kompetizzjoni fejn il-Madrileni ħarġu rebbieħa bl-iskor identiku ta’ 3-1.
L-Ispanjoli huma għal darb’oħra favoriti li jgħaddu mal-aħħar tmienja minħabba li Liverpool jinsabu fi kriżi minbarra li għandhom bosta players li qed jirkupraw min injury li jinkludu lil Calvin Ramsay, Thiago Alcantara, Ibrahima Konate, Luis Dias, Curtis Jones u Arthur, filwaqt li Darwin Nunez jinsab dubjuż.
Karim Benzema, Toni Kroos u Ferland Mendy se jkunu neqsin għal Real minħabba l-istess raġuni.
Eintracht Frankfurt v Napoli (illum)– It-team tal-mument, Napoli, imur jilgħab fil-Ġermanja għand Eintracht Frankurt.
Bla dubju, jekk jibqgħu juru l-forma tal-kampjonat Taljan, il-Partenopei għandhom ċans kbir li jaslu sal-finali għall-ewwel darba fl-istorja tal-club.
Jidher li ħadd u xejn ma jista’ jwaqqaf lit-team immexxi mill-coach, Luciano Spalletti, hekk kif fis-Serie A fetħu vantaġġ ta’ 15-il punt fil-quċċata tal-klassifika.
Nhar il-ġimgħa li għadda huma rreġistraw il-11-il rebħa konsekuttiva fil-kampjonat meta barra minn darhom għelbu lil Sassuolo bl-iskor ta’ 2-0.
Huma se jkunu mingħajr Giacomo Raspadori u Eintracht mingħajr Sebastian Rode u Eric Ebimbe, kollha imweġġgħin.
Leipzig vs Manchester City (għada) – Manchester City jmorru l-Ġermanja biex jilagħbu kontra Leipzig fejn dan il-konfront jista’ jitqies bħala wieħed delikat għat-team Ingliż.
Leipzig jinsabu fil-ħames post tal-klassifika tal-Bundesliga u għaldaqstant mistennija joffru sfida denja għas-Citizens.
Min-naħa tagħhom, Manchester City iridu jinsew id-diżppunt ta’ nhar is-Sibt li għadda meta ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Nottingham Forest biex fallew żewġ punti importanti fit-tentattiv li jkomplu jisfidaw għar-rebħ tat-titlu tal-Premier Ingliż.
Huma għandhom nieqes biss lid-difensur, John Stones.
Inter v Porto (għada) – Inter jospitaw lit-team Portugiż ta’ Porto f’dik li hija meqjusa bħala partita bilanċjata u miftuħa għal kull riżultat.
In-Nerazzurri jinżlu għal din il-logħba b’moral għoli hekk kif ġejjin minn rebħa ta’ 3-1 fuq Udinese valida mill-kampjonat Taljan.
Huma se jilagħbu kontra team li jinsab fit-tieni post tal-Kampjonat Portugiż li huwa distakkat mil-leaders Benfica, b’żewġ punti biss.
Il-coach ta’ Inter, Simone Inzaghi, se jkollu jgħaddi mingħajr is-servizzi ta’ Joaquin Correa filwaqt li Porto għandhom lista ta’ players imweġġgħin li tinkludi lil Wenderson, Andres Uribe, Fabio Cardoso, Evanilson, Gariel Veron, Otavio u Francisco Meixedo.