Liverpool ….. 2
Villarreal …….0
Liverpool għamlu pass lejn il-finali tal-UEFA Champions League meta fl-ewwel leg tas-semi-finali għelbu lil Villarreal bl-iskor ta’ 2-0 liema rebħa setgħet kienet akbar.
Fl-ewwel taqsima Villarreal għażlu li jiddefendu bi 11-il player u joperaw bil-kontrattakki fejn ma taw l-ebda ċans lill-avversarji jimmanuvraw għalkemm Liverpool sabu l-ispazji li fihom setgħu skorjaw.
Sa mis-suffara inizjali, Liverpool ħarġu fuq l-offensiva biex isibu goal kmieni u fl-ewwel 10 minuti resqu viċin darbtejn iżda Sadio Mane u Luis Diaz fallew il-mira minn pożizzjonijiet ideali.
Fit-22 minuta, Jordan Henderson kien sfortunat meta t-tentattiv tiegħu ħabat ma’ sieq il-lasta.
Fil-35 minuta kien imiss lil Mohamed Salah li jixħet barra meta mill-viċin seta’ għamel aħjar iżda laqat il- ballun ħażin.
Fit-42 minuta, Thiago Alcantara venven xutt minn barra l-kaxxa li għeleb lill- goalkeeper Geronimo Rulli iżda ġie mċaħħad mill-mimduda.
Fil-50 minuta, Fabinho skorja minn azzjoni ta’ corner iżda l-goal ma ġiex konvalidat għal offside ta’ Virgil van Dijk.
Peró tliet minuti wara Liverpool fetħu l-iskor meta x-xutt ta’ Jordan Henderson ġie devjat minn Pervis Estupinan. U żewġ minuti wara rduppjaw minn Sadio Mane li kompla għal ġewwa mill-pass ta’ Salah.
Liverpool komplew jiddominaw fejn ħolqu bosta ċansijiet oħra iżda l-Ispanjoli għażlu li jkomplu jiddefendu mingħajr ma l- goalkeeper Alisson qatt ma ġie impenjat.