Wara li t-Tlieta ntlagħab it-tielet programm tal-ewwel leg tal-Aħħar 16 tal-UEFA Champions League fejn Inter għelbu lil Atletico Madrid 1-0 u PSV Eindhoven u Borussia Dortmund spiċċaw fi draw ta’ 1-1, illum l-Erbgħa jintlagħbu l-aħħar żewġ partiti fejn FC Porto jilqgħu lil Arsena filwaqt li Barcelona jmorru għand Napoli.
FC PORTO v ARSENAL (9.00 pm)
FC Porto jilqgħu lil Arsenal f’dak li huwa meqjus bħala konfront bilanċjat li jista’ jiġi deċiż bl-għoti tal-penalties wara t-tieni leg.
Fil-kampjonat Portugiż huma jinsabu fit-tielet post tal-klassifika wara Benfica u Sporting Lisbon hekk kif jinsabu seba’ punti ‘l bogħod mil- leaders.
Madankollu huma għandhom rekord tajjeb f’din il-kompetizzjoni. Porto temmew fit-tieni post ta’ Grupp H meta spiċċaw bl-istess ammont ta’ punti kontra Barcelona iżda l-Katalani rebħu ż-żewġ konfronti diretti li tawhom id-dritt li jispiċċaw l-ewwel.
Min-naħa tagħhom, wara seba’ snin neqsin minn din il-kompetizzjoni, Arsenal rebħu Grupp B u issa jikkonċentraw fuq din il-fażi hekk kif għandhom ċans jagħmlu d-double meta jinsabu wkoll żewġ punti biss wara l-leaders Liverpool, fil-Premier League Ingliż.
Huma jinsabu f’forma mill-aqwa hekk kif ġejjin minn rebħa ta’ 5-0 għand Burnley.
Porto għandhom lil Otavio dubjuż filwaqt li Ivan Marcano u Alan Varela huma mweġġgħin.
Min-naħa ta’ Arsenal, dawn ma jistgħux jinkludu lil Oleksandr Zinchenko, Gabriel Jesus, Takehiro Tomiyasu, Jurrien Timber, Thomas Partey u Fabio Vieira, li qed jirkupraw minn injury.
NAPOLI v barceLona (9.00 pm)
Barcelona jżuru Stadio Diego Armando Maradona biex jaffrontaw lil Napoli li bħalissa jinsabu fi kriżi hekk kif jinsabu fis-disa’ post tal-klassfika u huma biss id-dell tal-forma li fl-istaġun li għadda għamlithom champions Taljani għat-tielet darba fl-istorja tal-club.
Infatt għal Napoli se jiddebutta l-coach Francesco Calzona wara li nhar it-Tnejn li għadda tkeċċa Walter Mazzarri.
Anke Barcelona qed jiddiżappuntaw f’La Liga meta jinsabu fit-tielet post tal-klassifika, bit-team xejn ma huwa stabbli hekk kif fix-xahar li għadda l-coach, Xavi Hernandez, ħabbar li se jirriżenja fi tmiem l-istaġun minħabba l-intriċċi li jeżistu wara l-kwinti fil-club.
Filwaqt li huma rebħu Grupp H, Napoli temmew fit-tieni post ta’ Grupp C, wara Real Madrid.
L-aħbar it-tajba għall-Partenopei hija li għandhom l-iskwadra kollha għad-dispożizzjoni. Mhux l-istess jingħad għal dik ta’ Barca meta għandhom neqsin lil Alejandro Balde, Sergi Roberto, Gavi, Marcos Alonso, Ferran Torres u Joao Felix … kollha mweġġħin.