Sunday, November 23, 2025

UE MILL-ĠDID IMWARRBA U INJORATA FI PJAN TA’ PAĊI

Aqra wkoll

Kif kien mistennni wara l-każ ta’ korruzzjoni li faqqa’ fl-Ukrajna u li ovvjament qiegħed jitfa’ piż u pressjoni kbira fuq il-President Volodymyr Zelensky, fuq l-istess President issa qiegħda ssir pressjoni oħra marbuta mal-invażjoni mir-Russja li wasslet għall-gwerra bejn iż-żewġ pajjiżi. Kif kien ilu jissemma’ u kif kienu qegħdin juru l-indikazzjonijiet, il-pjan ta’ paċi li ġie żvelat fl-aħħar sigħat, jitlob biex l-Ukrajna iċċedi ammont ta’ artijiet flimkien ma’ kundizzjonijiet oħra fosthom li tnaqqas l-armata tagħha u li ma tkunx parti minn NATO.

Minn dak propost u li issa ir-Russja qiegħda tgħid li fl-aħħar it-talbiet tagħha qegħdin jinstemgħu, kollox jindika b’mod ċar ħafna li l-Ewropa tħalliet fil-ġenb. L-Unjoni Ewropea qatt ma kienet favur li l-Ukrajna titlef artijiet li kienu tagħha. L-Unjoni Ewropea għal darba oħra ġiet injorata. Din turi id-djgħufija tagħha fejn tidħol il-politika barranija.  F’dan il-pjan ta’ paċi, l-Unjoni Ewropea għal darba oħra sabet ruħha barra tħares ‘il ġewwa hekk kif pjan ta’ paċi għall-Ukrajna jieħu l-forma.

Il-fatt li l-Unjoni Ewropea ma ġietx ikkonsultata ġie konfermat mill-President tal-Kunsill Ewropew Antonio Costa li ddikjara li l-Unjoni Ewropea ma kinitx irċeviet komunikazzjoni dwar il-pjan bejn l-Istati Uniti u r-Russja minn qabel. 

M’hemm ebda dubju li punt li l-pajjiżi ewlenin tal-Unjoni Ewropea mhux se jaqblu miegħu hu dak li titnaqqas u tiddgħajjef l-armata Ukrena. Kemm il-darba ġie indikat li l-Forzi Armati tal-Ukrajna jridu jibqgħu jkunu kapaċi jiddefendu s-sovranità tagħhom.

Il-pjan, ibbażat fuq 28 punt jinkludi konċessjonijiet kbar lir-Russja fosthom li l-Krimea, Luhansk u Donetsk ikunu “rikonoxxuti bħala Russi de facto, inkluż mill-Istati Uniti,” filwaqt li l-Ukrajna tkun meħtieġa tabbanduna kull tama ta’ sħubija fin-NATO.

M’hemm ebda dubju li dan il-pjan jiffavorixxi bil-kbir it-talbiet li ilhom isiru minn naħa tar-Russja. Talbiet li l-Unjoni Ewropea dejjem opponiethom bil-kbir.  Biss quddiem Ukrajna mifnija bi problémi, bi gwerra li issa ilha għaddejja kważi erba’ snin, hu fatt li hemm il-mistoqsija pertinenti kemm l-Ukrajna tiflaħ tirreżisti. Kemm se ddum tirċievi għajnuna finanzjarja u militari minn pajjiżi oħra fosthom dawk Ewropej?

Il-pjan wieħed jista’ jgħid li qiegħed jisforza soluzzjoni fuq l-Ukrajna. Prattikament qiegħed jagħmel pressjoni kbira biex din iċċedi.

Dawn l-aħħar negozjati bejn l-Istati Uniti u r-Russja għal darb’oħra ipoġġu lill-Ukrajna u lill-Unjoni Ewropea taħt pressjoni kbira. Din kienet ir-raba’ darba mill-ewwel telefonata bejn Trump  u Vladimir Putin ftit wara li rritorna fil-White House.  L-Istati Uniti kienet qiegħed timbotta għal djalogu mal-mexxej tal-Kremlin minn wara dahar Kyiv u l-alleati Ewropej. It-tentattivi dejjem fallew u dan seħħ minħabba l-pożizzjoni iebsa minn naħa tar-Russja. 

U għal dan is-suppost pjan ta’ paċi, l-Ukrajna u l-membri tal-Unjoni Ewropea ġew esklużi għal darb’oħra mill-abbozzar tal-pjan, li kien immexxi mill-mibgħut speċjali ta’ Trump, Steve Witkoff, u r-rappreżentant tal-Kremlin, Kirill Dmitriev. Ftit hemm dubju li din il-mossa fittxet li tisfrutta l-pożizzjoni mdgħajfa tal-President Ukren, li qed jiffaċċja skandlu ta’ korruzzjoni fis-settur tal-enerġija li diġà waqqa’ żewġ ministri tiegħu u qed ittormenta l-amministrazzjoni tiegħu.

M’hemmx dubju li meta wieħed jara dan il-pjan għall-paċi, se jasal għal konklużjoni li dan mhu pjan ta’ paċi xejn imma hu pjan li qiegħed jagħmel pressjoni biex l-Ukrajna iċċedi. Bl-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tagħha fl-aħħar xhur u snin ippumpkaw flejjes kbar f’armamenti, tali ftehim mhu xejn għajr umilazzjoni għal istess Unjoni Ewropea.  Jekk dan il-ftehim se jkun interpretat bħala ‘kapitulazzjoni tal-Ukrajna’, allura wieħed faċilment jista’ jgħid li dan l-istess pjan ta’ paċi  se jkun il-kapitulazzjoni tal-Unjoni Ewropea ukoll. Dan għax kif ilha ssostni l-istess Unjoni Ewropea, l-interessi tas-sigurtà tagħha huma marbuta mill-qrib ma’ dawk tal-Ukrajna fil-konfront tar-Russja ta’ Vladimir Putin.

Dan il-pjan ta’ paċi imfassal u maħdum minn wara dahar l-Unjoni Ewropea mhu se joffri ebda serħan ir-ras. Pjan ta’ paċi biex ikun suċċess irid jinħadem u jinqabel bejn il-partijiet kollha. Fin-nuqqas ta’ dan, kwalunkwe pjan ta’ paċi ikollu ħajja qasira.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport