Gzira United jilqgħu lil Atletic Club D’Escaldes ta’ Andorra fil-UEFA Europa Conference League. Il-Maroons jibdew favoriti li jgħaddu għar-round li jmiss meta se jiffaċċjaw team li se jilgħab għall-ewwel darba f’kompetizzjoni Ewropea wara li rebħu l-Copa Constitucio.
Il-Gżirjani qed jittamaw li jkomplu bis-sensiela pożittiva f’dawn il-kompetizzjonijiet Ewropej fejn f’dawn l-aħħar snin dejjem għaddew għar-round sussegwenti.
Huma ilhom għal dawn l-aħħar ġimgħat iħejju għal din il-partita bil-coach Darren Abdilla li seta’ jara l-kundizzjoni fiżika tal-players tiegħu. Fil-jiem li għaddew, il-Maroons akkwistaw liż-żewġ players żgħażagħ, Brooklyn Borg (Pietá Hotspurs) u Andy Borg (St Andrew’s), li ċertament se jkunu fundamentali għall-objettivi tagħhom hekk kif jiffurmaw parti mit-team nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena.
Din se tkun it-tielet darba li Gzira se jiltaqgħu kontra avversarji minn Andorra.
Fl-2018/19 huma għelbu lil UE Sant Julia, fil-UEFA Europa League, b’aggregate ta’ 4-1. Fl-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni, il-Maroons rebħu 2-0, f’Estadi Comunal, f’Andorra La Vella, bl-iskorers ikunu Amadou Samb u Jorge Pereira Da Silva. Fit-tieni leg, li ntlagħab fis-Centenary Stadium, Gzira rebħu 2-1, permezz ta’ Amadou Samb u Edison Zarate Bilbao. Ta’ nota huwa l-fatt li Samb sar l-ewwel player ta’ Gzira li skorja fiż-żewġ legs.
Imbagħad fl-istaġun li għadda, il-Gżirjani għelbu lill-istess UE Sant Julia 5-3 bl-għoti tal-penalties wara aggregate ta’ 1-1 fil-UEFA Conference League. Wara li f’Andorra temmew fi draw ta’ 0-0, fis-Centenary Stadium spiċċaw 1-1 bil-goal tal-Maltin jiġi skorjat minn Gabriel Bohrer Mentz.
Gzira se jkollhom nieqes lil Steve Pisani li għadu kemm għamel operazzjoni tal-ftuq. Iżda huma se jinkludu lil Marcelo Dias li għandu esperjenza vasta tal-football Malti hekk kif lagħab ma’ erba’ timijiet mill-2014 – Hibernians, Senglea Athletic, Floriana u Gudja United.
Il-logħba se tintlagħab fis-Centenary Stadium u tibda fis-7.00 pm.