Meta bdiet tintlagħab il-Fażi tal-Gruppi tal- UEFA Champions League, Dinamo Zagreb tal-Kroazja rreġistraw sorpriża kbira meta għelbu lil Chelsea.
Grupp E – Dinamo Zagreb wettqu sorpriża kbira meta laqgħu lil Chelsea u rebħulhom bl-iskor ta’ 1-0.
L-uniku goal tal-logħba wasal minn Mislav Orsic (13) li xeħet fir-rokna tax-xibka wara ħarba personali.
Fil-partita l-oħra, iċ-champions Taljani, Milan, marru l-Awstrija u temmew fi draw ta’ 1-1 kontra RB Salzburg.
Kien Noah Okafor (28) li fetaħ l-iskor għal Salzburg iżda Alexis Saelemaekers (40) kiseb id-draw għar-Rossoneri li laqtu l-lasta fil-ħin miżjud.
Grupp F – Celtic laqgħu lil Real Madrid u minkejja li daħlu jistrieħu fi draw ta’ mingħajr goals, huma ċedew għall-pressjoni Madrilena hekk kif dawn ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0 permezz ta’ Vinicius Junior (62), Luka Modric (60) u Eden Hazard (77).
Minkejja l-gwerra f’pajjiżhom li issa ilha għaddejja għal aktar minn seba’ xhur, l-Ukreni ta’ Shakhtar Donetsk marru l-Ġermanja u għelbu lil RB Leipzig bl-iskor ta’ 4-1, b’doppjetta ta’ Marian Shved (16, 58), Mykhailo Mudryk (76) u Lassina Traore (86) filwaqt li Mohamed Simakan (57) wieġeb għal Leipzig.
Grupp G – Borussia Dortmund irreġistraw rebħa komda f’darhom meta għelbu lid-Daniżi ta’ FC Copenhagen bl-iskor ta’ 3-0.
Il-Ġermaniżi fetħu vantaġġ ta’ żewġ goals fl-ewwel taqsima minn Marco Reus (35) u Raphael Guerreiro (42) filwaqt li Jude Bellingham (83) issiġilla r-rebħa wara l-mistrieħ.
Manchester City, fost il- favoriti li jirbħu din il-kompetizzjoni, barra minn darhom għelbu lil Sevilla bl-iskor ta’ 4-0, bil-goals jaslu minn doppjetta ta’ Erling Haaland (20, 67), Phil Foden (58) u Ruben Dias (91).
Grupp H – Fil-logħba tal- ġurnata, Paris St-Germain għelbu lil Juventus bl-iskor ta’ 2-1. Kien Kylian Mbappe (5, 22) li fetaħ vantaġġ ta’ żewġ goals għall-Pariġini iżda Weston McKennie (53) naqqas il-marġni tal-iskor għall-Bianconeri.
Benfica laqgħu lil Maccabi Haifa u rebħulhom bl-iskor ta’ 2-0 bl-awturi tal-goals ikunu Rafa Silva (50) u Alex Grimaldo (55).