Meta ntlagħab l-ewwel programm tat-tieni leg tal-play-offs għall-Aħħar 16 tal-UEFA Champions League, it-team Norveġiż ta’ Bodo-Glimt wettaq sorpriża kbira meta f’San Siro għeleb lil dak ta’ Inter bl-iskor ta’ 2-1 biex qata’ l-passaġġ għar-round li jmiss bl-aggregat ta’ 5-2.
Sa mis-suffara inizjali, Inter ħarġu fuq l-attakk biex ifittxu goal kmieni u minkejja li ddettaw il-logħob għal ħafna ħinijiet, huma ma setgħux jegħlbu lid-difiża kompatta Norveġiża sas-76 minuta meta kien tard wisq.
L-iskorers ta’ Bodo kienu Jens Hauge (58) u Hakon Evjen (72) filwaqt li Alessandro Bastoni (76) skorja għan-Nerazzurri.
Atletico M. v Club Brugge – Atletico Madrid ospitaw lil Club Brugge u għelbuhom bl-iskor ta’ 4-1 biex avvanzaw għar-round li jimiss bl-aggregate ta’ 7-4.
Il-protagonista ta’ din ir-rebħa kien l-attakkant Norveġiż, Alexander Sorloth (23, 76, 87) li skorja hat-trick bil-goal l-ieħor jasal minn Johnny Cardoso (48) filwaqt li Joel Orodonez (36) kiseb id-draw momentarju għall-Belġjani.
L-avversarji ta’ Atletico issa huma bejn Liverpool u Tottenham.
Newcastle v Qarabag – Wara li fl-ewwel leg ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 6-1 fejn dan il-konfront kien diġá deċiż, Newcastle għelbu lil Qarabag bl-iskor ta’ 3-2 biex ikkwalifikaw bl-aggregate ta’ 9-3.
L-iskorers kienu Sandro Tonali (4) u Joelinton (6) u Sven Botman (51) filwaqt li Camilo Duran (52) u Elvin Cafarquliyev (57) irrisponda għal Qarabag, b’dan tal-aħħar jiskorja minn rebound tal-penalty mogħti minn Marko Jankovic
Leverkusen v Olympiakos – Bayer Leverkusen laqgħu lil Olympiakos u temmew fi draw ta’ mingħajr goals iżda kkwalifikaw bl-aggregate ta’ 2-0 wara li fl-ewwel leg għelbu lill-Griegi bl-istess skor.

