Sunday, November 24, 2024

UEFA Conf. Lge: Birkirkara jospitaw lil NK Maribor

Aqra wkoll

Meta jkompli jintlagħab it-tieni leg tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League, illum Birkirkara jospitaw lis-Sloveni ta’ NK Maribor wara li fl-ewwel leg huma temmew fi draw ta’ 1-1. 

Għaldaqstant, minħabba l-fatt li r-regola tal-goal away m’għadhiex fis-seħħ, dan hu­wa konfront miftuħ għal kull riżultat. 

Barra minn hekk wieħed irid ikun kon­xju mill-fatt li jrid jibqa’ jissielet sas-suffara finali u ma joqgħodx jistrieħ fuq ir-riżultat tal-ewwel leg. Eżempju ta’ dan kienu Balzan li wara li għelbu lil NK Domzale bl-iskor ta’ 4-1, fit-tieni leg il-partita kellha tmur fil-ħin barrani minħabba li dawn tal-aħħar kienu qed jirbħu 3-0, fis-Centenary Stadium. 

Il-goal tal-kwalifikazzjoni wasal fir-raba’ minuta  tal-ħin barrani … iżda żgur li ħadd ma basar li kienet se tkun diffiċli għal Balzan. 

Interessanti huwa l-fatt li din il-partita timmarka l-500 partita tat-timijiet Maltin fil-kompetizzjonijiet Ewropew … li huma 12 – Balzan (14), Birkirkara (58), Floriana (69), Gzira U. (21), Hamrun S. (28), Hibernians (96), Marsa (2), Marsaxlokk (8), Rabat A. (8), Sirens (1), Sliema W. (86), Valletta (101). 

Intant, jidher li Birkirkara mhumiex inferjuri għat-team Sloven li proprju fl-ewwel leg, li ntlagħab f’Maribor, kiseb id-draw minn penalty ivvintat wara li Paul Mbong poġġa lill-Karkariżi fil-vantaġġ. 

Birkirkara mistennija jinżlu bl-istess formazzjoni li ġimgħa ilu lagħbet barra minn pajjiżna. 

Peró dan se jkun fin-nuqqas tal-coach, Giovanni Tedesco, li tkeċċa fil-ħin miżjud tal-logħba preċedenti minħabba protesti eċċessivi mat-terna arbitrali. 

Ir-rebbieħ jilgħab kontra Dudelange (Lus­semburgu). 

Sport