Fit-tieni leg tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League, illum Gzira United imorru fil-belt kapitali tal-Irlanda ta’ Fuq, Belfast, biex jiffaċċjaw lil Glentoran FC, f’dik li hija meqjusa bħala partita delikata.
Iż-żewġ timijiet se jibdew bi draw ta’ 2-2 li se tkun kontinwazzjoni tal-ewwel leg f’dik li kienet partita mill-aktar eċċitanti u nċerta sal-aħħar.
L-Irlandiżi setgħu ħadu l-vantaġġ kmieni fil-partita iżda wara biss żewġ minuti Junior Ogedi Uzokwe falla penalty. Iżda mbagħad patta għal dan in-nuqqas biex fetaħ l-iskor għalihom.
Peró, il-Gżirjani dawru l-iskor favur tagħhom b’goals minn José Wilkson u Brooklyn Borg. Iżda kmieni fit-tieni taqsima, l-Irlandiżi kisbu d-draw minn Rhys Marshall.
Wara dan il-goal, il-partita baqgħet bilanċjata u minkejja li ż-żewġ timijiet resqu viċin li jiskorjaw, sa tmiem is-suffara finali l-iskor baqa’ ma nbidilx.
Fil-veritá, it-team immexxi mill-coach, Darren Abdilla, għandu l-potenzjal biex ikompli javvanza f’din il-kompetizzjoni, bl-akkwisti l-ġodda, Farid Zuniga, José Wilkson u George Ryan Aristide Esaka taw aktar impetus il-kawża tagħhom.
Iżda, Glentoran se jibdew xi ftit favoriti minħabba li se jkunu qed jilagħbu quddiem il-partitarji tagħhom.