Fit-tieni leg tal-ewwel round tal-UEFA Conference League, illum Gzira United jiffaċċjaw lit-team minn Andorra, Atletic Club D’Escaldes wara li l-ġimgħa li għaddiet huma temmew fi draw ta’ 1-1, fis-Centenary Stadium, f’partita li setgħu rebħu.
Il-Maroons, li għalihom iddebuttaw Luis Carlos Riascos u Marcelo Dias, fetħu l-iskor appena għaddiet minuta fit-tieni taqsima permezz ta’ Jefferson de Assis.
Però sa dak il-ħin, il-Gżirjani setgħu skorjaw ferm qabel, u ta’ dan in-nuqqas huma ġew ikkastigati meta fl-64 minuta l-avversarji kisbu d-draw importanti permezz ta’ Guillaume Lopez.
It-team ta’ D’Escaldes huwa kompost minn players Franċiżi u Spanjoli hekk kif dan il-pajjiż jaqsam lil Franza ma’ Spanja u għaldaqstant jattira nies miż-żewġ naħat.
Il-fatt li l-football ta’ Andorra huwa xi ftit inferjuri minn dak tagħna jpoġġi lill-Maroons f’possibbiltá tal-kwalifikazzjoni.
Il-coach Gżirjan, Darren Abdilla, mistenni jinżel bl-istess formazzjoni u l-uniku player nieqes huwa Steve Pisani minħabba li qed jirkupra minn injury.
Din se tkun it-tielet darba li Gzira se jkunu qed jaffrontaw team minn Andorra wara li f’dawn l-aħħar snin lagħbu darbtejn kontra Sant Julia u dejjem kisbu kwalifikazzjoni.
Fl-2018/19 kienu għaddew b’aggregate ta’ 4-1, filwaqt li fl-2021/22 kienu kkwalifikaw 5-3 bl-għoti tal-penalties wara aggregate ta’ 1-1.
Dan it-tieni leg se jintlagħab f’Estadi Nacional, f’Andorra La Vella, li jesa’ 3,306 spettatur u nfetaħ fl-2014.
Ir-rebbieħ jilgħab fit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni kontra Nis Radnicki tas-Serbja.
Il-logħba tibda fis-7.00 pm.