It-Tlieta, fis-Centenary Stadium, Gzira United jilqgħu lil Wolfsberger AC tal-Awstrija f’partita valida mit-tieni leg tat-tielet round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League.
Fl-ewwel leg li ntlagħab fil-Worhesee Stadium ta’ Klagenfurt, it-team immexxi minn Darren Abdilla temm fi draw ta’ mingħajr goals biex dan ir-riżultat jagħmel lill-Maroons favoriti li jikkwalifikaw għall-play-offs ta’ din il-kompetizzjoni.
Aktar minn hekk, dan ir-riżultat kien ifisser li l-Gżirjani għadhom bla megħluba f’dan l-istaġun minn ħames logħbiet … li huwa rekord.
Wara li fl-ewwel żewġ rounds eliminaw lil Club Atletic d’Escaldes ta’ Andorra, b’aggregate ta’ 2-1 (1-1, 1-0) u lil Radnicki-Nis tas-Serbja 3-1 bl-għoti tal-penalties wara aggregate ta’ 5-5 (2-2, 3-3), din il-partita kienet meqjusa bħala waħda ferm diffiċli iżda l-pjan tal-coach Abdilla li jżomm lill-avversarji mill-jsibu x-xibka, irnexxa fil-massimu tiegħu. Dan kien mertu wkoll tal-goalkeeper, Darijan Radelic-Zarkov, b’bosta saves importanti.
Barra minn hekk, l-attakkanti Jefferson de Assis u Maxuell Maia bdew ikunu effettivi fejn il-ġirjiet tagħhom ħolqu wkoll paniku fid-difiża Awstrijaka.
Min-naħa tagħhom, Wolfsberger AC xejn m’huma sejrin tajjeb fil-kampjonat domestiku hekk kif fi tmiem il-ġimgħa li għadda, fil-programm tat-tielet ġurnata, huma ġew umiljati f’darhom minn LASK bl-iskor ta’ 5-1, bl-uniku goal tagħhom ikun skorjat minn Michael Novak. Aktar qabel, f’partita ta’ ħibebrija huma sfaw megħluba minn AC Milan bl-iskor ta’ 5-0.
Wolfsberger kisbu biss żewġ punti minn tliet logħbiet filwaqt li għadhom mingħajr rebħa. Fuq il-mezzi tax-xandir Awstrijaċi diġá qed jissemma’ li post il-coach, Robin Dutt, jinsab fil-periklu aktar u aktar jekk jinqalgħu minn din il-kompetizzjoni Ewropea.
It-team Awstrijak ħa daqqa ta’ ħarta kbira meta d-difensur, Luka Lochosvili, li kien wieħed mill-aħjar players fil-logħba tal-ewwel leg kontra l-istess Gzira United, mar jilgħab fis-Serie A meta ngħaqad ma’ Cremonese.
Min-naħa l-oħra, il-moral ta’ Gzira United jinsab għoli ħafna li qed jimmiraw li jiktbu l-istorja tal-club b’ittri tad-deheb meta jistgħu jsiru l-ewwel club Malti li jilgħab fil-play-offs tal-kompetizzjonijiet Ewropej … għax ħadd għadu ma għamel din il-bravura.
Il-coach Abdilla għandu l-players kollha għad-dispożizzjoni u minn dawn il-kolonni nawguraw riżultat pożittiv biex il-Ġżirjani jibqgħu javvanzaw u jpoġġu lil pajjiżna fuq il-mappa tal-football Ewropew.
Ir-rebbieħ ta’ dan il-konfront jilgħab kontra r-rebbieħ bejn Molde FK tan-Norveġja jew Kisvarda FC tal-Ungerija.
Il-logħba se tibda fis-6.00 pm.