Minn Cristian Muscat
Gzira United ……..2
Radnicki Nis ……..2
F’partita valida mill-ewwel leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League, Gzira United kienu sfortunati li ma ħarġux rebbieħa meta sofrew il-goal tad-draw ta’ 2-2 fil-ħin miżjud.
Peró dan ir-riżultat iħalli lill-Gżirjani jittamaw li jistgħu jkompli javvanzaw f’din il-kompetizzjoni.
Ta’ nota huwa l-fatt li dawn iż-żewg timijiet kienu diġá ltaqgħu fl-istaġun 2018/19, bis-Serbi joħorġu rebbieħa bl-aggregate ta’ 5-0 (4-0, 1-0).
Il-Maroons reġgħu kellhom jgħaddu mingħajr is-servizzi ta’ Steve Pisani li għadu qed jirkupra minn injury.
L-ewwel nofs siegħa kienet ferm kwieta u nieqsa minn kull emozzjoni biż-żewġ timijiet jaqsmu l-logħob bejniethom f’nofs il-ground biż-żewġ goalkeepers rari jkunu mpenjati.
Madankollu, fil-31 minuta kienu s-Serbi li fetħu l-iskor hekk kif Aleksandar Jovanovic indirizza cross insidjuż li sab lil NIKOLA STULIC li permezz ta’ xutt mill-ewwel minn taħt il-lasti ħasad għal kollox lill-goalkeeper Darijan Zarkov, bil-ballun jintemm fis-saqaf tax-xibka.
Fl-54 minuta, is-Serbi reġgħu heddew u mill-cross ta’ Aleksandar Jovanovic, id-daqqa ta’ ras Nikola Stulic spiċċat ftit għoli.
Iżda żewġ minuti wara, il-Maroons kisbu d-draw meta Maxuell Maia approfitta minn żball tal-goalkeeper, Marko Drobnjak, li ħareġ barra minn postu biex bil-kalma kollha l-attakkant Brażiljan xeħet il- ballun fix-xibka.
Kien goal li għolla l-moral tal-Gżirjani u proprju fis-60 minuta rebħu penalty meta Jefferson De Assis għadda tajjeb lejn Marcelo Dias li twaqqa’ minn Bojan Mladovic u kawża ta’ hekk ġie ammonit. Mill-11-il metru MAXUELL MAIA xeħet lill-goalkeeper fuq in-naħa l-ħażina.
Radnicki wieġbu fis-70 minuta permezz ta’ xutt b’saħħtu mix-xellug ta’ Milan Savic li iżda ġie mdawar f’corner minn Zarkov.
Peró, huma kisbu d-draw fil-ħin miżjud meta minn loose ball u b’tap-in mill-viċin, is-sostitut MAKA GAKOU tefa’ ġewwa.