Fit-tieni leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League, Hamrun Spartans jilqgħu lil Velez Mostar hekk kif jibdew b’vantaġġ minimu ta’ 1-0 li kienu kisbu barra minn xtutna l-ġimgħa li għaddiet, eżattament f’Grbavica Stadium, f’Sarajevo.
Dan il-goal importanti ġie skorjat man-nofs siegħa logħob meta mill-cross ta’ Dodo, id-daqqa ta’ ras ta’ Elvis Mashike ġiet salvata parzjalment mill-goalkeeper, Slavisa Bogdanovic, megħjun mill-wieqfa iżda l-ballun waqa’ għand Matthew Guillaumier li ddepożita l-ballun fix-xibka.
Bla dubju, il-Ħamruniżi mistennija jerġgħu jkollhom lill-partitarji numerużi tagħhom bħala t-12-il player wara li ġimagħtejn ilu kienu tant voċiferi fis-Centenary Stadium.
L-objettiv tal-Ispartans fl-ewwel leg kien li ma jsofru l-ebda goal fejn kienu territorjalment aħjar mill-avversarji. Iżda fil-ħin miżjud kellu jkun save brillanti tal-goalkeeper Henry Bonello li dan ma seħħx meta salva t-tentattiv mill-viċin ta’ Nermin Haskic.
Fil-partita tal-lum, il-players iridu jkomplu jibnu fuq is-suċċess li kisbu f’Sarajevo li kien wieħed kollettiv imħallat bi ‘spettaklu’ individwali hekk kif spikkaw Mashike, Dodo, Jonny u l-midfielder Kroat, Roko Prsa, li beda jorkestra kull azzjoni offensiva li fforma dwett formidabbli ma’ Guillaumier.
Wieħed ma jridx inaqqas ukoll mill-mertu tal-players Maltin, Steve Borg, Juan Corbolan u Ryan Camenzuli, li dejjem kienu puntwali fl-inserimenti tagħhom, speċjalment dan tal-aħħar li b’siequ x-xellugija kien l-arma letali fuq il-faxxa laterali b’dawk il-crosses perikolużi.
Ta’ min jgħid ukoll li Velez Mostar ipposponew il-logħba tal-kampjonat domestiku kontra Igman Konjic sabiex jikkonċentraw għal din il-partita bil-għan li jiksbu l-kwalifikazzjoni għalkemm jinsabu konxji mill-fatt li għandhom muntanja quddiemhom biex jostakolaw.
Il-coach Ħamruniż Branko Nisevic għandu l-iskwadra kollha għad-dispożizzjoni tiegħu u għaldaqstant mistenni li jilgħab bl-istess formazzjoni inizjali li ħarġet rebbieħa f’Sarajevo.
Ir-rebbieħ jilgħab kontra Levski Sofia tal-Bulgarija jew PAOK tal- Greċja … bil-Bulgari qed igawdu vantaġġ ta’ 2-0.
Il-partita se tintlagħab fis-Centenary Stadium u tibda fit-8.00 pm.