Thursday, November 7, 2024

UEFA Conference League: Hamrun S. illum jilagħbu kontra Alashkert f’Yerevan

Aqra wkoll

Fl-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League, illum Hamrun Spartans se jilagħbu fil-belt ta’ Yerevan kontra Alashkert tal-Armenja. 

L-objettiv tal-Ħamruniżi huwa li jkomplu javvanzaw f’din il-kompetizzjoni wara nuqqas twil ta’ snin jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet Ewropej. 

Infatti l-aħħar darba kienet  fl-1992/93 fit-Tazza tat-Tazzi meta kienu ġew eliminati fl-ewwel round minn Maribor tas-Slovenja b’aggregate ta’ 5-2. 

Fl-ewwel leg, f’Ljudski Stadium l-Ispartans kienu ħarġu telliefa 4-0 iżda fit-tieni leg, fl-Istadium Naz­zjonali kienu rebħu 2-1, bil-goals jaslu minn doppjetta ta’ Joe Brincat. 

F’dawn l-aħħar ġimgħat, id-diriġenza tal-Ispartans kienet ferm attiva fejn għandu x’jaqsam is-suq tat-trasferimenti hekk kif minbarra l-winger Ryan Camenzuli, huma ffirmaw xejn anqas minn seba’ barranin ġodda u dawn huma l-Brażiljani Vinicius de Freitas Ribeiro, Jonny Robert do Nascimento Torres, l-Arġentin Rodrigo Callegari, is-Serb Ognjen Bjelicic, il-Gambjan Mousa Balla Sowe, il-Kroat Roko Prsa u l-Kongoliż Elvis Sukisa Mashike. 

Dawn il-players flimkien mal-iskwadra preżenti jinsabu għad-dispożizzjoni tal-coach Branko Nisevic li jinsab fiduċjuż għal din il-partita ferm importanti.

Alashkert ġew imwaqqfa fl-1990 u wara xi perjodu ta’ transizzjoni fis-sena 2000, it-team reġa’ nbena 11-il sena wara.

Huma rebħu l-kampjonat Armen erba’ darbiet filwaqt li kisbu suċċess wieħed fit-tazza tal-pajjiż. Fl-istaġun li għadda huma temmew fit-tielet post tal-klassifika wara ċ-champions Pyunik u Ararat-Armenia. 

Huma kisbu 51 punt minn 32 partita wara 14-il rebħa, disa’ draws u disa’ telfiet. 

Huma ilhom jipparteċipaw fil- kompetizzjonijiet Ewropej sa mill-2015/16 u l-aqwa bravura tagħhom ħolquha fl-istaġun li għadda meta kkwalifikaw għall-fażi tal-gruppi ta’ din l-istess kompetizzjoni. 

It-team huwa mmexxi minn Aram Voskanyan. Fatt interessanti hu li wieħed mill-players fl-iskwadra huwa l-midfielder, Rumyan Hovsepyan, li sa ftit tal-ġimgħat ilu kien jilgħab proprju ma’ Floriana.

Dan se jkun it-tieni konfront bejn team Malti u dak mill-Armenja wara li fl-istaġun 2015/16 Birkirkara kienu eliminaw lil Ulisses Yerevan mill-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa League, b’aggregate ta’ 3-1 (0-0 u 3-1). 

Il-logħba se tintlagħab fl-Alash­kert Stadium ta’ Yerevan li jesa’ 6,850 spettatur u li ilu mibni mill-1960 meta dak iż-żmien kien magħruf bħala Nairi Stadium. 

Il-partita se tintlagħab fil-5.00 pm u se tintwera diretta fuq Net TV. 

Sport