Wednesday, November 20, 2024

UEFA Conference League: Hamrun Spartans f’konfront diffiċli kontra Partizan Belgrade

Aqra wkoll

Hamrun Spartans il-Ħamis jilagħbu t-tieni leg tal-play-offs tal-UEFA Conference League meta jospitaw lil Partizan Belgrade, fl-Istadium Nazzjonali, hekk kif dawn iġibu magħhom vantaġġ ta’ 4-1 u favoriti li jaqtgħu l-passaġġ għall-fażi tal-gruppi.

Għalkemm fil-football jista’ jseħħ kollox  realistikament se tkun ferm diffiċli għall-Ispartans biex jissuperaw dan l-iskor meta wieħed iqis il-qawwa tal-avversarji u r-rispett li jgawdu madwar l-Ewropa kollha.

Peró wieħed irid jgħid li minkejja din it-telfa, ir-riżultat kien xi ftit kattiv mal-Ħamruniżi minħabba li ħolqu bosta ċansijiet lejn il-lasti avversarji. Iżda bejn l-isfortuna u bejn is-saves determinanti tal-goalkeeper, Alexander Popovic, ir-riżultat hu dak li hu.

Partizan riedu jagħtu risposta lill-partitarji tagħhom wara l-eliminazzjoni mill-UEFA Europa League u fl-ewwel taqsima stabbilew vantaġġ ta’ 3-0 permezz ta’ Ricardo Gomes, Slobodan Urosevic u Fousseni Diabate.

Peró fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, Hamrun skorjaw iżda l-goal ġie imħassar inġustament wara li mill-free-kick ta’ Prsa, il-goalkeeper Aleksandar Popovic, laqa’ parzjalment biex Jonny da­ħal għar-rebound … mess il-ballun qabel ma għamel kuntatt ma’ Popovic li aċċentwa l-waqgħa u beda jżomm rasu (meta l-kuntatt sar mal-irkoppa) u bil-ballun spiċċa għand Juan Corbolan, dan xeħet fix-xibka.

Kmieni fit-tieni taqsima, Hamrun naqqsu l-marġni tal-iskor minn daqqa ta’ ras preċiża ta’ Matthew Guillaumier.

Madankollu t-turning-point tal-logħba wa­sal fis-56 minuta meta l-goalkeeper Serb salva b’mod mirakoluż id-daqqa ta’ ras ta’ Guillaumier mill-free-kick ta’ Prsa.

Wieħed jista’ jimmaġina li kieku l-midfielder Malti rnexxielu jixħet il-ballun fix-xib­ka kif kien idur l-andament tal-partita. F’dawk il-mumenti l-Ispartans kienu qed jilagħbu l-isbaħ u l-aħjar football bil-players Serbi dehru xi ftit demora­lizzati. 

Iżda dan huwa team kompost minn players li għandhom esperjenza fil-kompetizzjonijiet Ewropej u mal-ewwel ċans li kellhom taw id-daqqa mortali lill-Hamruniżi meta lejn it-tmiem skorjaw ir-raba’ goal minn Patrick Andrade. 

Bla dubju, il-coach Branko Nisevic huwa konxju minn dan l-iżvantaġġ u għaldaqstant irid jinżel bi pjan avventuruż hekk kif fir-realtá għandhom muntanja kbira x’jissuperaw.

Barra minn hekk irid jagħraf kif se jrażżan liż-żewġ players, Fousseni Diabate u Patrick Andrade, li fl-ewwel leg kienu l-aktar perikolużi.

Interessanti huwa l-fatt kif iż-żewġ timijiet ipposponew il-logħbiet tagħhom tal-kampjonat domestiku biex jikkonċentraw f’din il-partita.

Hamrun kellhom jilagħbu kontra Marsaxlokk fl-ewwel ġurnata tal-kampjonat Premier filwaqt li Partizan kellhom jiltaqgħu kontra Spartak Subotica. 

Peró anke jekk ir-Rossoneri Maltin ma jikkwalifikawx għall-fażi tal-gruppi, huma kitbu l-istorja tal-football Malti b’ittri tad-deheb meta saru l-ewwel team li wasal sa dan l-istadju.

Sport