Monday, November 18, 2024

UEFA Conference League: Ħamrun Spartans f’logħba diffiċli kontra Velez Mostar fil-Bosnja

Aqra wkoll

Fl-ewwel leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni, Ħamrun Spartans jinsabu fil-Bosnja Herzegovina biex il-lejla jaffrontaw lil Velez Mostar f’dik li hija meqjusa bħala partita mill-aktar diffiċli. 

Peró jidher li l-Ispartans huma armati tajjeb f’kull dipartiment u għaldaqstant żgur li se jkunu sfida denja. 

Bla dubju, il-moral huwa wieħed għoli hekk kif ġejjin minn kwalifikazzjoni wara li kollox deher mitmum għalihom, kontra Alashkert tal-Armenja, meta kienu fi żvantaġġ ta’ żewġ goals bl-aggregate.

Peró fi spazju ta’ 20 minuta huma skorjaw erba’ goals u dawru l-aggregate favur tagħhom għal 4-2.  

Bla dubju, f’dan il-konfront spik­ka l-isforz kollettiv peró t-tliet players barranin,  Jonny, Roko Prsa u Ognjen Bjelicic, kienu fost il-protagonisti … li flimkien mal- players stabbiliti Maltin, Steve Borg, Juan Carlos Corbalan, Matthew Guillaumier u Ryan Camenzuli, kellhom wirja mill-aqwa.

Min-naħa tal-avversarji tal-lum, fl-istaġun li għadda spiċċaw fil-ħames post tal-klassifika tal-kampjonat, mirbuħ minn Zrinjski. Huma kisbu 44 punt minn 33 partita komposti minn 13-il rebħa u tmien draws.

Velez bdew l-impenji tagħhom fil-kampjonat imsejjaħ Premijer Li­ga bi draw ta’ 1-1 barra minn darhom kontra Prosusje.

It-team huwa mmexxi minn Amar Osim, coach ta’ 54 sena, li għadu kemm ingħata din il-kariga ftit tal-ġimgħat ilu. 

Velez ilhom imwaqqfin 100 sena u għaldaqstant qed jiċċelebraw iċ-ċentenarju. 

Għall-partita tal-lum, it-team immexxi mill-coach, Branko Nisevic, jinżel bi pjan prudenti, kawt u jope­raw bil-kontrattakki. Dan minħabba li l-ġimgħa d-dieħla jilagħbu t-tieni leg f’Malta fejn huma kapaċi li jdawru r-riżultat favur tagħhom. 

Nisevic m’għandux problemi ta’ players neqsin u għalhekk jista’ jilgħab bl-aqwa elementi li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu.

Din se tkun id-disa’ logħba tal-coach Nisevic fil-kompetizzjoni­jiet Ewropej bit-tmienja preċedenti kienu sitta ma’ Hibernians (rebħa u ħames telfiet) u tnejn mal-Ispartans (rebħa u telfa). 

Il-logħba se tintlagħab fir-Rodeni Stadium fil-belt ta’ Mostar, li jesa’ 7,000 spettatur. 

Il-logħba se tibda fit-8.30 pm.

Ekonomija

Sport