Illum, Ħamrun Spartans ikomplu jiktbu l-istorja b’ittri tad-deheb meta saru l-ewwel team Malti li kkwalifika għall-play-offs tal-kompetizzjonijiet Ewropej. Huma se jilagħbu barra minn xtutna meta jkunu nvoluti fl-ewwel leg għand Partizan Belgrade.
Bħala parentesi, l-avversarji preċendenti, Levski Sofia ressqu protest kontra Hamrun Spartans fejn sostnew li l-goal ta’ Ryan Camenzuli, li bih intlagħab il-ħin barrani, kien wieħed illeġittimu. Il-logħba marret fl-għoti tal-penalties fejn l-Ispartans ikkwalifikaw bl-iskor ta’ 4-1.
Iżda l-Bord tal-Protesti tal-UEFA ma tax widen tal-ilment tal-Bulgari wara li analizza l-każ biex il-partita kontra s-Serbi se tintlagħab kif skedata.
Wara li nbena team b’saħħtu, il-Ħamruniżi qed juru li huma kapaċi jdawru l-eċċezzjonalitá fin-normalitá hekk kif rajna kif warrbu l-isfida ta’ kull avversarju rrispettivament is-saħħa tiegħu.
Fil-veritá kulħadd kien xettiku kemm l-Ispartans kienu se jkunu kapaċi jirbħu l-kwalifikazzjoni kontra Levski Sofia, aktar u aktar, meta sfaw megħluba fl-ewwel leg, fl-Istadium Nazzjonali.
Bir-rispett kbir li Levski jgawdu fil-football Ewropej ftit kienu dawk li taw ċans lil Hamrun biex ikomplu javvanzaw għall-play-offs. Li kkwalifikaw għat-tielet round diġá kien tragward storiku.
Peró, it-team immexxi mill-coach Branko Nisevic, qam għall-okkażjoni u f’għajnejn l-Ewropej wettaq sorpriża kbira.
U x’inhu r-rekord ta’ Nisevic fil-kompetizzjonijiet Ewropej?
Huwa mexxa sitt darbiet kull wieħed lil Hibernians u lil Hamrun Spartans b’total ta’ 12-il partita … tnejn fil-UEFA Champions League, erbgħa fil-UEFA Europa League u sitta fil-UEFA Conference League. Ir-rekord tiegħu huwa ta’ ħames rebħiet u seba’ telfiet … li proporzjonalment igawdi l-aqwa rekord fost il-coaches li mexxew timijiet Maltin fil-kompetizzjonijiet Ewropej.
Intant biex waslu sa dan l-istadju, Hamrun eliminaw lil Alashkert tal-Armenja b’aggregate ta’ 4-2 (0-1, 4-1), lil Velez Mostar tal-Bosnja b’aggregate ta’ 2-0 (1-0, 1-0) u lil Levski Sofia 4-1 bl-għoti tal-penalties wara aggregate ta’ 2-2.
Mertu kbir għal din il-kwalifikazzjoni għandu l- goalkeeper, Henry Bonello, li salva żewġ penalties biex naqqas il-pressjoni fuq sħabu b’mod konsiderevoli.
Min huma Partizan Belgrade?
Huma għandhom storja kbira fil-football Serb filwaqt li dejjem ikunu regolari fil-parteċipazzjoni tagħhom fil-kompetizzjonijiet Ewropej.
Huma wieħed mill-iktar timijiet antiki fis-Serbja u kienu forza qawwija meta dan il-pajjiż kien parti mill-Jugoslavja.
B’kollox huma rebħu 27 darba l-kampjonat, 16-il darba t-Tazza Nazzjonali filwaqt li rebħu darba s-Super Cup.
Il-partitarji tagħhom huma magħrufa għas-sapport li jagħtu speċjalment waqt id-derby kontra r-rivali Red Star Belgrade.
Dan it-team huwa mmexxi mill-coach, Gordan Petric, ex player tagħhom fis-snin 90 u li għadu kemm ingħata din il-kariga ftit tal-jiem ilu.
S’issa fil-Kampjonat Serb, l-affarijiet mhux sejrin daqstant tajjeb hekk kif kisbu ħames punti biss minn erba’ partiti wara rebħa, żewġ draws u telfa.
Partizan se jilagħbu f’din il-fażi bħala telliefa kontra AEK Larnaca … b’aggregate ta’ 4-3 (1-2, 2-2) liema partita kienet valida mit-tielet round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa League.
Min-naħa tagħhom AEK ikkwalifikaw biex jilagħbu fil-play-off tal-istess kompetizzjoni kontra Dnipro-1 tal-Ukrajna.
Il-logħba se tintlagħab fil-Partizan Stadium li jinsab fil-belt kapitali tas-Serbja Belgrade u jesa 30,000 spettatur.