Sunday, November 10, 2024

UEFA Conference League: Hibernians iridu jżommu l-vantaġġ kontra Levadia Tallinn

Aqra wkoll

Hibernians imorru fl-Estonja biex jaffrontaw lil Levadia Tallinn fejn jieħdu magħhom vantaġġ ta’ 3-2 fit-tieni leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League.

Fl-ewwel leg, il-Pawlisti ddomi­naw lill-avversarji tagħhom u r-ri­żultat huwa kemmxejn giddieb fejn ir-rebħa setgħet kienet akbar iżda ġew ikkastigati għall-okkażjoni­jiet falluti meta l-avversarji skorjaw żewġ goals lejn it-tmiem. 

Il-goals tagħhom waslu minn Ferdinando Apap (17), Jurgen Degab­riele (24) u d-debuttant Yunusa Muritala (90). L-avversarji wieġbu minn  Maximiliano Ugge (87) u Ernest Agyiri (91). 

Il-coach il-ġdid ta’ Hibernians, Andrea Pisanu, deher ferm irrabbjat  għal dawn iż-żewġ goals li sofrew li fil-veritá setgħu ġew evitati meta f’dawk il-ħinijiet wieħed kien jippretendi li l-players Maltin jibżgħu għall-vantaġġ doppju li kellhom. 

Issa l-konfront tal-lum se jkun bi storja ġdida u f’dawn id-90 minuta, Levadia (li ta’ min jgħid huma l-200 avversarju għat-timijiet Maltin fil-kompetizzjonijiet Ewropej), jippruvaw japprofittaw mill-vantaġġ li se jkun qed jilagħbu f’darhom. 

L-ewwel goal huwa mill-aktar importanti. Jekk Levadia jiskorjaw l-ewwel huma jidħlu fil-logħba iżda jekk Hibernians jiftħu l-iskor … tkun storja differenti. 

Levadia ma lagħbux fil-kampjonat domestiku biex jikkonċentraw fuq din il-partita.  Il-coach, Ivan Stoj­kovic, qed jittama li l-players tiegħu jinsew il-logħba f’Malta filwaqt li jagħmlu reazzjoni biex finalment jaqilbu r-riżultat favur tagħhom u jkomplu javvanzaw f’din il-kompetizzjoni.

Huma se jkunu mingħajr l-attakkant, Bogdan Vastsuk, li għadu kif ingħaqad mal-club Pollakk, FKS Stal Mielec.

Ir-rebbieħ javvanza għat-tielet round ta’ kwalifikazzjoni fejn jiltaqa’ kontra RFS tal-Latvja.

Il-logħba se tintlagħab f’Le Coq Arena f’Tallinn, li jesa’ 14,336 spettatur u tibda fis-7.00 pm.

Sport