Illum Gżira United jospitaw lil Radnicki Nis tas-Serbja fis-Centenary Stadium valida mill-ewwel leg tat-tieni round tal-kwalifikazzjoni tal-UEFA Conferece League.
It-team immexxi minn Darren Abdilla rreġistra rebħa prestiġjuża ta’ 1-0 barra minn daru kontra Atletic Club D’Escaldes ta’ Andorra. Il-goal ta’ Jefferson de Assis fil-ħin barrani kellu jkun dak rebbieħ biex il-Maroons għaddew għal din il-fażi bl-aggregate ta’ 2-1.
Wara l-ewwel leg diżappuntanti fejn spiċċaw fi draw ta’ 1-1, Gżira kienu kapaċi jwettqu reazzjoni u għalhekk din il-kwalifikazzjoni hi waħda meritata.
Il-Maroons se jippruvaw jieħdu vantaġġ mill-fatt li se jilagħbu f’pajjiżna għalkemm huma konxji li mhux se tkun partita faċli kontra avversarji li għandhom livell għoli ħafna.
Il-coach, Darren Abdilla, jittama li l-attakkanti ewlenin, Jefferson de Assis u Maxuel Maia, ikunu fil-forma solita tagħhom minħabba li huma ż-żewġ armi letali tiegħu fl-attakk.
Il-coach Gżirjan mistenni jutilizza l-istess formazzjoni li biha għeleb lil AC D’Escaldes, f’Andorra La Vella, għalkemm ma tkun l-ebda sorpriża jekk jagħmel xi bidliet.
Interessanti huwa l-fatt li r-rekord ta’ Abdilla fil-kompetizzjonijiet Ewropej huwa ta’ 16-il partita – sitta ma’ Valletta (tliet draws u tliet telfiet) u għaxra ma’ Gżira (tliet rebħiet, tliet draws u erba’ telfiet).
Min-naħa ta’ Radnicki Nis, fl-istaġun li għadda spiċċaw fir-raba’ post tal-kampjonat Serb imsejjaħ SuperLiga. Din se tkun it-tieni darba li dawn iż-żewġ timijiet se jiltaqgħu kontra xulxin.
Fil-fatt fl-istaġun 2018/2019 huma ltaqgħu fl-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa League bit-team mis-Serbja jirbaħ b’aggregate ta’ 5-0 (4-0, 1-0).
Radnicki Nis twaqqfu 99 sena ilu, eżattament, fl-24 ta’ April 1923, fejn kienu anke jipparteċipaw fil-kampjonat tal-eks Jugoslavja.
Il-coach huwa Tomislav Sivic, li għandu 55 sena u li beda jmexxi lil dan it-team proprju mill-bidu ta’ dan l-istaġun. It-team jilgħab fil-Cair Stadium li jesa’ 18,151 spettatur.
Radnicki Nis diġa’ lagħbu żewġ partiti mill-kampjonat Serb li beda 15-il ġurnata ilu fejn s’issa kisbu punt minn żewġ logħbiet.
Fil-fatt wara t-telfa kbira ta’ 4-0 fid-debutt kontra Red Star Belgrade, fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ġew draw ta’ 3-3 kontra Partizan Belgrade b’Nikola Mladenovic, Stefan Dimic u Lazar Jovanovic kienu li skorjaw il-goals tagħhom f’logħba li dejjem kienu minn fuq iżda l-avversarji għarfu jġibu l-iskor indaqs lejn it-tmiem.
Il-logħba tibda fis-7.00 pm.