Floriana jinsabu f’Chisinau, il-Moldova fejn illum jilagħbu kontra Petrocub Hincesti liema partita hija valida mit-tieni leg tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League.
Il-Greens iddominaw għal kollox l-ewwel leg fis-Centenary Stadium iżda ma rnexxielhomx joħorġu rebbieħa u kellhom jikkuntentaw bi draw ta’ mingħajr goals.
Huma ħolqu bosta tentattivi permezz ta’ Alejandro Garzia, Adam Magri Overand, Jan Busuttil, Andrei Ciolaciu u Kemar Reid iżda mingħajr suċċess.
Dan il-fatt jista’ jkun ta’ detriment għalihom minħabba li kull logħba fiha l-istorja tagħha … fejn Petrocub jimmiraw għal kwalifikazzjoni storika.
Floriana jridu joqogħdu attenti mill-aqwa player tagħhom, Sergiu Platica, li huwa midfielder intelliġenti u fuq kollox veloċi li kapaċi jdawwar ir-riżultat favur it-team tiegħu.
Peró, huma jittamaw li Busuttil ikun f’vena formidabbli minħabba li huwa l-punt ta’ riferiment tat-team li jorkestra l-attakki tat-team immexxi mill-coach, Gianluca Atzori, li f’dawn l-aħħar jiem rebaħ l-unur tal-Aqwa Coach tal-istaġun li għadda fl-MFCA Awards.
Il-coach Taljan m’għandux problemi ta’ players neqsin u għaldaqstant mistenni jutilizza l-aqwa elementi tiegħu.
Min-naħa tal-coach Moldovan, Alexei Savinov, għamel appell lill- partitarji biex ikunu numerużi u jagħtu l-appoġġ massimu tagħhom hekk kif jinsab 90 minuta ‘l bogħod minn kwalifikazzjoni storika.
Il-logħba se tintlagħab fi Stadionul Municipal Hincesti liema ground ilu mibni mill-1972 u li jesa’ 2,672 spettatur.
Il-partita tibda fit-8.00 pm.
Ir-rebbieħ ta’ dan il-konfront jilgħab kontra r-rebbieħ bejn Laci tal-Albanija u Iskra Danilovgrad tal-Montenegro.