Luxol St Andrew’s………..2
Haladas ……………………. 6
Haladas issorprendew lil Luxol fl-ewwel logħba uffiċjali tar-rawnd ewlieni tal-UEFA Futsal Champions League hekk kif għelbuhom bl-iskor ta’ 6-2.
It-tim Ungeriż kellu bidu qawwi tant li fl-ewwel minuti stabilixxa vantaġġ ta’ tliet gowls skorjati minn Zoltan Droth, Henrique Diniz de Souza u xutt mis-second penalty mark ta’ Luiggi Longo Duarte Baptista.
Hekk kif il-kowċ Gabriel Dobre sejjaħ time-out, Luxol għamlu kuraġġ u rnexxielhom inaqqsu l-marġni tal-iskor darbtejn permezz tal-plejers Brażiljani Everton Veve u Maicon da Silva.
Minkejja kollox, Haladas baqgħu ffukati hekk kif komplew jippressaw lill-avversarji tagħhom sabiex ftit minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima skorjaw ir-raba’ gowl permezz ta’ Henrique Diniz de Souza li b’hekk għaqqad doppjetta personali.
Fit-tieni taqsima, il-pjan tal-logħba qajla nbidel, bit-tim Ungeriż li baqa’ jagħmel pressjoni fuq il-plejers ta’ Luxol u ma kinitx sorpriża li waslu żewġ gowls oħra permezz ta’ Zoltan Droth u Luiggi Longo Duarte Baptista li b’hekk ukoll għaqqdu doppjetta f’din il-partita.
Luxol jilagħbu t-tieni partita tagħhom f’dan il-grupp meta jiltaqgħu kontra Hammarby li aktar qabel tilfu l-ewwel logħba tagħhom bl-iskor ta 7-2 kontra Rekord Bielsko Biala.
Il-logħob ta’ Luxol St Andrews qed jixxandru b’mod dirett fuq is-sit elettroniku tvm.com.mt/sport. Il-logħob kollu qed jintlagħab fil-Padiljun tal-Universita’ ta’ Malta.