Tuesday, December 24, 2024

UEFA Futsal CL: Paritá assoluta bejn Luxol u Rekord Bielsko Biala

Aqra wkoll

Luxol St Andrews temmew l-impenji tagħhom fi grupp 5 tar-rawnd ewlieni tal-UEFA Futsal Champions League meta fil-Padiljun tal-Universita’ fl-Imsida huma ġew dro ta’ 1-1 kontra l-Pollakki ta’ Rekord Bielsko Biala.

Luxol kienu ġejjin minn telfa inizjali ta’ 6-2 kontra Haladas tal-Ungerija u rebħa drammatika kontra Hammarby tal-Iżvezja.

It-tim immexxi minn Gabriel Dobre kien motivat li jikseb xi ħaġa minn din il-partita kontra avversarji ferm aktar ikkwotati minnhom.

L-ewwel parti tal-logħba kienet kollha kemm hi ta’ Luxol li bdew jheddu serjament il-lasti avversarji tant li kellu jkun il-gowlkiper ta’ Bielsko Biala Bartlomiej Nawrat li salva lit-tim tiegħu fi tliet okkażjonijiet meta laqa’ xuttijiet ta’ Hebberth Bolt, Maicon u Celino Alves.

Iżda kontra x-xejra tal-logħob, kienu Rekord Bielsko Biala li marru minn fuq meta wara azzjoni ta’ korner, kien Kamil Surmiak li mattar siequ u xeħet il-ballun fix-xibka wara l-gowlkiper ta’ Luxol Kenneth Rakvaag.

Luxol wettqu reazzjoni u ftit qabel l-ewwel taqsima kienu żvinturati li laqtu l-lasta permezz ta’ Hebberth Bolt.

Fit-tieni taqsima, Luxol ħarġu bħal iljuni fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs u rnexxielhom jagħmlu dan permezz tal-aħjar plejer fil-court Hebberth Bolt li b’xutt mill-ewwel għeleb lill-gowlkiper sostitut Krzysztof Iwanek.

Iż-żewġ naħat bdew jagħmlu minn kollox sabiex jiksbu l-gowl tar-rebħa iżda bejn il-biża’ li jitilfu u bejn id-difiżi rispettivi żammew sod, l-iskor finali kien dak ta’ 1-1.

F’logħba mill-istess grupp, Haladas kisbu punti massimi minn tliet logħbiet hekk kif għelbu lil Hammarby bl-iskor ta’ 6-4.

Fil-klassifika finali ta’ grupp 5, Haladas spiċċaw fl-ewwel post b’9 punti, Luxol u Rekord Bielsko Biala b’4 punti filwaqt li Hammarby m’akkwistaw l-ebda punt.

Ekonomija

Sport