Minn Cristian Muscat
Illum, fl-Istadium Nazzjonali, it-team nazzjonali tan-Nisa jilqa’ lil dak ta’ Ċipru f’konfront kruċjali minn Grupp C2 tal-UEFA Nations League.
Malta bħalissa tinsab fil-quċċata tal-grupp b’disa’ punti minn erba logħbiet, wara li rebħu tliet partiti u tilfu waħda, proprju kontra n-nisa Ċiprijotti.
Min-naħa tagħhom, Ċipru jinsabu fit-tieni post b’seba’ punti, b’żewġ rebħiet, draw u telfa waħda.
Għalhekk, din il-logħba tista’ tkun deċiżiva biex tiddeċiedi min jispiċċa fl-ewwel post u jiġi promoss għal League B ta’ din il-kompetizzjoni … xi ħaġa li l-Maltin għamluha sentejn ilu.
Fl-aħħar logħba li ntlagħbet fil-21 ta’ Frar, f’Larnaca, Ċipru rnexxielhom joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.
Antri Violari u Marilia Constantinou skorjaw għal Ċipru fil-ewwel taqsima, filwaqt li l-Maltin naqqsu d-distakk fit-tieni taqsima b’auto-goal ta’ Sara Papadopoulou.
It-team Malti se jkun kompost minn players ewlenin bħall-attakkanta ta’ Inter, Haley Bugeja, magħrufa għall-ħila teknika u l-ħeffa tagħha, kif ukoll Rachel Cuschieri – player ta’ nofs il-ground b’esperjenza notevoli li lagħbet aktar minn 100 partita internazzjonali u li bħalissa tilgħab ma’ Genoa fl-Italja.
Il-preżenza tagħhom hija kruċjali għat-tama ta’ Malta biex tinkiseb rebħa tant importanti.
Min-naħa l-oħra, Ċipru għandhom lil Antri Violari bħala l-karta qawwija tagħhom fl-attakk. Il-prestazzjoni tagħha fl-aħħar konfront kienet determinanti u żgur li se tkun taħt l-attenzjoni tad-difiża Maltija.
Bla dubju, il-coach Tesse għandha pjan kif se trażżan din l-aqwa player ta’ Ċipru u timminimizza t-theddida tagħha lejn il-lasti Maltin.
Il-moral tal-players Maltin huwa għoli wara rebħiet konsekuttivi kontra Georgia, f’April li għadda, li żiedu b’mod sinifikanti l-prospetti tagħna li nirbħu l-grupp.
L-għażla ta’ Tesse fl-iskwadra tara r-ritorn tad-difensur ta’ Birkirkara, Stephania Farrugia, li kienet barra mill-azzjoni minħabba injury fil-ligamenti tal-cruciate tal-irkoppa li kienet sofriet f’Settembru li għadda.
Il-coach ta’ Ċipru huwa Aggelos Tsolakis, li ilu jmexxi lill-iskwadra b’enfasi fuq żvilupp tekniku u tattiku u b’fiduċja sħiħa fuq players żgħażagħ.
Din il-logħba mistennija tkun waħda intensa u emozzjonanti, b’Malta determinata twettaq ‘l hekk imsejħa vendetta sportiva u żżomm postha fl-ewwel post.
Wara din il-partita, Malta tivvjaġġa lejn Andorra biex nhar it-Tlieta tilgħab l- aħħar partita f’dan il-grupp.
Barra minn hekk, in-nisa Maltin se jkun qed iżanżnu l-flokk il-ġdid li ġie ppreżentat riċentement fl-okkażjoni tal-125 anniversarju tal-Malta FA mit-twaqqif tagħha.
Il-logħba tibda fis-7.00 pm u se tixxandar b’mod dirett fuq TVM Sport+.
L-iskwadra msejħa minn Tesse hija:
Goalkeepers: Maya Cachia, Janice Xuereb (Birkirkara), Patricia Ebejer (Mgarr U.),
Difensuri: Rebecca Bajada (Mgarr U.), Fiona Buttigieg (Luton Town – Ingilterra), Stephania Farrugia, Valentina Rapa, Charlene Zammit (Birkirkara), Oceane Grange (RC Roubaix Wervicq Feminin – Franza), Emma Lipman (Genoa – Italja), Maya Lucia (Orlens Gdansk – Polonja), Emma Xuereb (Swieqi U.).
Midfielders: Jana Barbara (Schalke 04, Ġermanja), Rachel Cuschieri (Genoa – Italja), Alexandra Gatt (York C. – Ingilterra), Ann Marie Said (Mgarr U.), Nicole Sciberras (Hibernians), Gabriella Zahra (Birkirkara), Shona Zammit (Swieqi U.).
Attakkanti: Haley Bugeja (Inter -Italja), Lexine Farrugia (Roma – Italja), Maria Farrugia (Sheffield U. – Ingilterra), Kailey Willis (Venezia – Italja), Leah Ayres (Hibernians), Yulya Carella (Mgarr U.).