Georgia u l-Portugall ngħaqdu mal-Ingilterra, Spanja u l-Ukrajna fil-kwarti-finali tal-Kampjonat Ewropew liema fażi finali qed issir fiż-żewġ pajjiżi ta’ Georgia u Rumanija.
Iżda jekk bħala pajjiż ospitu Georgia avvanzaw mal-aħħar tmienja, ir-Rumanija sfaw eliminati meta minn Grupp B tilfu ż-żewġ partiti tagħhom.
Ilbieraħ intlagħbu l-aħħar partiti ta’ Grupp A fejn, l-Olanda u Georgia spiċċaw 1-1 filwaqt li l-Portugall għelbu lil Belġju 2-1. B’hekk l-Olanda u l-Belġju sfaw eliminati.
Fil-partita bejn Georgia u l-Olanda, kien Zuriko Davitashvili (42) li fetaħ l-iskor meta qabad il-ballun minn tarf il-kaxxa u għadda minn bejn bosta players avversarji qabel għeleb lil Bart Verbruggen.
Iżda fis-sitt minuta tal-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, Kenneth Taylor kiseb id-draw għall-Olanda.
Il-Portugall kisbu rebħa drammatika ta’ 2-1 fuq il-Belġju grazzi għall-penalty skorjat minn Tiago Dantas fl-aħħar minuta. Joao Neves (56) fetaħ l-iskor għal Portugall iżda Yorbe Vertessen (65) kiseb id-draw momentarju għall-Belġjani.
Klassifika finali ta’ Grupp A: 5 – Georgia; 4 – Portugall; 3 – Olanda; 2 – Belġju.