Thursday, August 14, 2025

UEL: Hamrun S. f’partita diffiċli kontra Maccabi Tel Aviv

Aqra wkoll

minn Cristian Muscat

Hamrun Spartans jilagħbu t-tieni leg tat-tielet round ta’ kwalfikazzjoni tal-UEFA Europa League, kontra Maccabi Tel Aviv illum … hekk kif iċ-champions Maltin jimmiraw li jdawru l-aggregate ta’ 2-1 kontra l-Iżraeliti wara konfront li seta’ spiċċa b’mod diffe­renti. 

Fil-fatt, kienet partita li fiha Hamrun kienu superjuri għall-avversarji għal iktar minn siegħa b’diversi okkażjonijiet ta’ skor. 

L-isforzi tal-Ispartans ġew ppremjati fis-70 minuta, meta l-attakkant Taljan, Sa­liou Thioune, twaqqa’ fil-kaxxa u b’hekk ingħataw penalty biex mill-11-il metru l-attakkant Franċiż, N’Dri Koffi, b’kalma kbira xeħet il-ballun ġewwa.

Kien hawn li t-team immexxi minn Gia­como Modica donnu waqaf, forsi sforz tal-għejja li ħakmet lill-players … bil-konsegwenza li l-avversarji rnexxielhom jiksbu d-draw minn Roy Revivo li mill-viċin għeleb lill-goalkeeper, Henry Bonello. 

U meta kollox deher li l-partita kienet se tispiċċa f’paritá, proprju, fis-sitt minuta tal-ħin miżjud, Maccabi Tel Aviv skorjaw dak li kellu jkun il-goal tar-rebħa, b’xutt ta’  Elad Madmon li mill-viċin ma żbaljax. 

Kif kulħadd jaf, din il-partita kellha tmiem mill-aktar drammatiku hekk kif il-goalkeeper, Henry Bonello, u d-difensur Brażiljan Rafael Compri, kellhom argument jaħraq bejniethom minħabba li dan tal-aħħar ingħata tort tal-goal rebbieħ tal-avversarji. 

B’dan l-atteġjament, il-club ta’ Hamrun Spartans kien ħareġ stqarrija ta’ stmerrija dwar l-imġieba ta’ dawn iż-żewġ players fejn kien qed jikkunsidra li jieħu passi dixxiplinari kontra dawn iż-żewġ players. 

Iżda wara li għamlu apoloġija pubblika lejn il-players sħabhom, il-membri tal-kumitat u l-partitarji, l-affari ttranġat minnufih biex il-kumitat irtira milli jieħu kull pass dixxiplinarju. 

U għaldaqstant, kemm Bonello kif ukoll Compri jinsabu fl-iskwadra tal-lum.  

Ċertament li dan ir-riżultat mhuwiex tajjeb għall-Ħamruniżi u fil-veritá se tkun ferm diffiċli għalihom biex idawru l-aggregate favur tagħhom għalkemm fil-football jista’ jseħħ kollox. 

Jekk, l-Ispartans jikkwalifikaw minn dan ir-round, huma jilagħbu fil-Play-Off tal-UEFA Europa League kontra Dinamo Kiev li ġew relegati għal din il-kompetizzjoni wara li fit-tielet round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League huma sfaw eliminati minn FC Pafos, b’aggregate ta’ 3-0. 

Jekk il-Ħamruniżi joħorġu telliefa minn dan il-konfront, huma jilagħbu fi Play-Off tal-UEFA Conference League kontra t-telliefa tal-logħba tal-Europa League bejn RFS tal-Latvja u KuPS Kuopio tal-Finlandja, b’dawn tal-aħħar se jilagħbu f’darhom u jieħdu vantaġġ ta’ 2-1.  

Il-partita se tintlagħab, fil-Backa Topola Arena, fil-belt ta’ Topolo, fis-Serbia, li jesa’ madwar 4,500 spettatur. 

Dan huwa ground newtrali minħabba s-sitwazzjoni mwiegħra li bħa­lissa jinsabu fiha l-pajjiżi ta’ Iżrael u dak tal-Palestina. 

Il-partita se tintlagħab fit-8.00 u se tintwera diretta fuq TVMSports+.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport