Meta beda jintlagħab l-ewwel leg tal-Aħħar 16 tal-UEFA Europa League u tal-UEFA Conference League, it-timijiet Ingliżi kellhom riżultati mħallta filwaqt li dawk Taljani rreġistraw rebħa. Min-naħa tagħhom, kontra kull mistenni Barcelona sfaw miżmuma f’darhom.
Fl-Europa League, West Ham marru għand Sevilla u sfaw megħluba bl-iskor ta’ 1-0 bil-goal li għamel id-differenza kien dak ta’ Munir El Haddadi (60).
Atalanta ġew minn wara biex dawru telfa f’rebħa ta’ 3-2 fuq Bayern Leverkusen bl-iskorers ikunu Ruslan Malinovskiy (23) u Luis Muriel (25, 49) wara li Charles Aranguiz (11) fetaħ l-iskor għall-Ġermaniżi u mbagħad Moussa Diaby (63) żied ieħor.
Barcelona laqgħu lil Galatasaray u temmew fi draw ta’ mingħajr goals fejn it-Torok kienu sfida denja għal bosta ħinijiet.
Rangers għelbu lil Red Star Belgrade bl-iskor ta’ 3-0 fejn għalihom skorjaw James Tavernier (11 pen), Alfredo Morelos (15) u Leon Balogun (51)
Aleksandar Katai (24) falla penalty għas-Serbi.
Fil-Conference League, barra minn darhom Roma għelbu lil Vitesse bl-iskor ta’ 1-0 bil-goal jasal minn Sergio Oliveira (45) li mbagħad tkeċċa fit-78 minuta għat-tieni karta safra.
Leicester ospitaw lil Rennes u rebħulhom bl-iskor ta’ 2-0 bil-goals jaslu minn Marc Albrighton (30) u Kelechi Iheanacho (93).