Saturday, December 21, 2024

Uffiċini ġodda għall-Avukat tal-Istat

Aqra wkoll

Investiment ieħor sinifikanti fil-ġustizzja hekk kif il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis, fil-preżenza tal-Avukat tal-Istat Chris Soler, inawgura l-uffiċċju l-ġdid tal-Avukat tal-Istat. Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Permamenti Johan Galea.

Il-Ministru Zammit Lewis enfasizza l-importanza ta’ dan il-bini li ta lok biex l-Avukat tal-Istat ikun jista’ jopera aħjar. L-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat beda jopera f’Diċembru tal-2019 meta l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali nqasam fi tnejn u r-rwol tal-Avukat Ġenerali ma baqax ta’ konsulent ewlieni tal-gvern u Avukat tal-Gvern – dan ir-rwol ġie mogħti lill-Avukat tal-Istat. L-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat huwa inkarigat li jaġixxi fl-interess tal-pubbliku u jissalvagwardja l-legalità ta’ kwalunkwe azzjoni mill-Istat. Apparti minn hekk, dan l-uffiċċju jwettaq dmirijiet u funzjonijiet oħra li jiġu konferiti mill-Kostituzzjoni jew minn kwalunkwe liġi oħra.

Zammit Lewis fakkar li kull uffiċjal legali li jaħdem fl-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat huwa obbligat li jsegwi Kodiċi ta’ Etika għal Avukati u Prokuraturi Legali li hi speċifika għalihom.

L-Avukat tal-Istat qal li l-ħolqien tal-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat bħala uffiċċju indipendenti stabbilit mill-Kostituzzjoni ftit iżjed minn sena ilu kien jikkostitwixxi waħda mir-riformi ewlenin fost ir-riformi importanti li saru reċentement għat-tisħiħ tas-saltna tad-dritt u tas-separazzjoni tal-poteri f’pajjiżna.

Ekonomija

Sport