Sunday, November 24, 2024

Uffiċjal għoli tal-Ħamas inqatel f’attakk Iżraeljan

Aqra wkoll

Uffiċjal għoli tal-amministrazzjoni tal-Ħamas kien fost erba’ persuni li nqatlu f’attakk mill-ajru Iżraeljan fuq skola fil-Belt ta’ Gaża. Dan l-uffiċjal, Ehab Al-Ghussein kien inħatar biex jamministra l-affarijiet tal-gvern tal-Ħamas fil-Belt ta’ Gaża u t-Tramuntana ta’ Gaża tliet xhur ilu.

L-armata Iżraeljana qalet li wettqet dan l-attakk fuq iż-żona tal-bini ta’ skola fil-Belt ta’ Gaża għaliex kien qed jintuża mit-terroristi kienu qed joperaw minnu u jinħbew fih.

Nies li raw ix-xena tal-attakk sseħħ quddiem għajnejhiom qalu li l-attakk kien immirat direttament lejn l-iskola ħdejn il-Knisja tal-Familja Mqaddsa fil-punent tal-belt ta’ Gaża. Din l-iskola kienet qed isservi ta’ kenn għal numru kbir ta’ nies. L-attakk mill-ajru kien immirat primarjament lejn żewġ klassijiet fil-pjan terran, komplew qalu.

Ehab Al-Ghussein qabel kien deputat ministru tax-xogħol fl-amministrazzjoni tal-Ħamas u kien ukoll kelliem għall-ministeru tal-intern. Il-mewt tiegħu mhix meqjusa bħala daqqa ta’ ħarta għall-Ħamas militarment, iżda kien meqjus bħala figura sinifikanti fit-tmexxija tal-amministrazzjoni tal-Ħamas. Ħafna oħrajn fl-amministrazzjoni tal-Ħamas inqatlu f’dawn l-aħħar disa’ xhur.

F’attakk mill-ajru Iżraeljan f’Novembru li għadda, inqatlu d-deputat ministru tal-kultura u l-viċi kelliem tal-kunsill leġiżlattiv, flimkien ma’ impjegati u uffiċjali oħra tal-gvern, kif ukoll uffiċjali għolja tal-pulizija.

Separatament il-militar Iżraeljan ħareġ ordni ta’ evakwazzjoni oħra għal parti ċentrali tal-Belt ta’ Gaża. Fil-fatt, għexieren ta’ familji kienu qed jitilqu u n-nisa u t-tfal kienu qed iġorru basktijiet u sejrin lejn il-punent.

Intant il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu saħaq li kull ftehim li jista jkun hemm ta’ waqfien mill-ġlied f’Gaża għandu jippermetti lill-Iżrael li jkompli bil-gwerra, sakemm jintlaħqu l-għanijiet tiegħu, jiġifieri li jżarma l-kapaċitajiet militari u governattivi tal-Ħamas, kif ukoll ir-ritorn tal-ostaġġi.

Min-naħa tagħhom, uffiċjali tal-Ħamas qalu li qed jistennew ir-rispons ta’ Iżrael għall-aħħar proposti ta’ waqfien mill-ġlied.

Il-gwerra li għaddej biha Iżrael kienet ikkawżata mill-attakk bla preċedent tal-Ħamas fuq Iżrael fis-7 ta’ Ottubru li fih irġiel armati mmexxija mill-Ħamas qatlu madwar 1,200 persuna u ħadu 251 oħra lura f’Gaża bħala ostaġġi.

Mill-inqas sal-lum inqatlu 38,098 Palestinjan f’Gaza bħala riżultat tal-offensiva ta’ Iżrael, skont il-ministeru tas-saħħa tat-territorju mmexxi mill-Ħamas.

Sport