Raġel ta’ 47 sena miż-Żurrieq ġie kkundannat għal ordni ta’ probation ta’ tliet snin wara li ammetta sensiela ta’ reati relatati ma’ frodi, approprjazzjoni indebita u użu ħażin ta’ fondi waqt li kien jokkupa kariga fil-servizz pubbliku.
Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, sabet lil Mario Vella ħati ta’ diversi reati kriminali marbuta ma’ frodi u abbuż ta’ fiduċja, li twettqu bejn Jannar 2024 u April 2025 waqt li kien jaħdem bħala uffiċjal pubbliku.
Skont l-investigazzjonijiet tal-Pulizija mmexxija mill-Ispettur Andy Rotin, Vella allegatament għamel qligħ illeċitu permezz ta’ qerq u mezzi kontra l-liġi, kemm għall-vantaġġ privat tiegħu kif ukoll ta’ terzi.
Il-każ jinkludi telf finanzjarju li jvarja bejn €500 u €5,000, li kkawża detriment lill-Gvern ta’ Malta u lil persuni oħra.
Il-Prosekuzzjoni sostniet li l-imputat approprja somom ta’ flus li kienu fdati lilu minħabba l-kariga tiegħu, kif ukoll uża ħażin flejjes u dokumenti uffiċjali li kellu aċċess għalihom bħala uffiċjal pubbliku. Huwa kien akkużat ukoll li għamel dikjarazzjonijiet u stqarrijiet foloz f’dokumenti maħsuba għal awtorità pubblika sabiex jikseb benefiċċju.
Fis-seduta tad-19 ta’ Frar 2026, l-imputat ammetta l-akkużi kollha kontra tiegħu fl-ewwel opportunità, u wara li l-Qorti tat ħin biex tikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu, ikkonfermat l-ammissjoni b’mod inkondizzjonat. Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti għaddiet direttament biex tippronunzja s-sentenza skont il-liġi.
Meta waslet għas-sentenza, il-Qorti qieset diversi ċirkostanzi, fosthom il-fatt li l-ammissjoni bikrija għenet biex jiġu evitati proċeduri ulterjuri, li s-somom involuti ġew irrimborsati kompletament, u li l-fedina penali tal-imputat kienet nadifa. Ġie kkunsidrat ukoll il-kooperazzjoni sħiħa tiegħu mal-awtoritajiet investigattivi, kif ikkonfermat mill-Prosekuzzjoni.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti ddeċidiet li tqiegħed lil Vella taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ tliet snin. L-imputat ġie mwissi dwar il-konsegwenzi legali jekk jikkommetti reat ieħor jew jikser il-kundizzjonijiet tal-ordni matul dan il-perjodu, u esprima r-rieda tiegħu li jikkonforma.
Il-Qorti ordnat ukoll li kopja tas-sentenza tintbagħat lid-Direttur tas-Servizzi tal-Probation u lill-Avukat Ġenerali, skont kif jipprovdi l-liġi.

