Raġel armat bi xkubetta ta’ assalt daħal f’bini għoli fil-qalba tal-belt ta’ New York u qatel erba’ persuni qabel ma spara għalih nnifsu. L-aggressur, li ġie identifikat bħala Shane Tamura ta’ 27 sena minn Las Vegas, daħal fi blokk ta’ uffiċini f’Park Avenue f’Manhattan nhar it-Tnejn filgħaxija u fetaħ in-nar fil-lobby qabel ma tela’ b’lift sat-33 sular biex ikompli bl-attakk tiegħu.
Fost l-erba’ persuni li nqatlu hemm l-uffiċjal tal-pulizija ta’ New York City, Didarul Islam, ta’ 36 sena, li kien qed jaħdem fis-sigurtà dak il-ħin. It-tliet vittmi l-oħra għadhom ma ġewx identifikati.
Jidher li l-allegat qattiel ivvjaġġa minn Las Vegas bil-karozza. Il-pulizija għadhom ifittxu mottiv għall-qtil u qalet li r-raġel kien magħruf li kellu problemi ta’ saħħa mentali. Il-qtill seħħ għal ħabta tas-6.30 pm ħin lokali.
Mal-ħoss tal-isparatura, persuni li kienu mexjin ħarbu jiġru biex jistkennu hekk kif il-pulizija wissew dwar raġel armat. Dawk ġewwa l-bini ppruvaw jistkennu wara sufanijiet u siġġijiet mal-bibien.
Il-bini fejn sar id-delitt jinkorpora fih l-uffiċini tal-Lega Nazzjonali tal-Futbol (NFL), kif ukoll tal-ġganti finanzjarji bħal Blackstone u KPMG u ditti ewlenin oħra.
Il-Kummissarju tal-Pulizija tal-Belt ta’ New York Jessica Tisch qalet li s-suspettat jidher li aġixxa waħdu. Hija qalet f’konferenza stampa li l-ħames vittma intlaqtu mit-tiri u waħda minnhom kienet f’kundizzjoni kritika iżda stabbli.
L-uffiċjal tal-pulizija maqtul Didarul Islam, immigrant minn Bangladesh u missier ta’ żewġt itfal bit-tielet wild fi triqtu, kien ilu jservi fid-Dipartiment tal-Pulizija ta’ New York għal tliet snin u nofs.
Wara li spara lil Islam hekk kif daħal fil-bini, l-aggressur immira lejn mara li nħbiet għal kenn wara pilastru. Huwa kompla jispara bl-arma tan-nar, u laqat diversi nies inkluż gwardjan tas-sigurtà li kien moħbi wara skrivanija u raġel ieħor fil-qrib.
L-inċident fixkel it-trasport pubbliku f’partijiet minn Midtown Manhattan. Ġrnalisti irrapportaw li fuq il-post raw għexieren ta’ vetturi tal-pulizija u mill-inqas persuna waħda b’sider imdemmi tittieħed l-isptar fuq stretcher.