Saturday, December 21, 2024

Uffiċjali Kolumbjani b’qabda ta’ £100 miljun droga kokaina f’sottomarin

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Uffiċjali fil-Kolumbja sabu erba’ tunnellati ta’ droga kokaina b’valur ta’ aktar minn £100,000,000 f’sottomarin maħsub li kien fi triqtu lejn l-Amerika Ċentrali.

Uffiċjali interċettaw dan is-sottomarin, li skont l-ewwel investigazzjonijiet jidher li għandu l-kapaċità li jitrasporta mill-inqas ħames tunnellati ta’ sustanza, madwar 70 mil mill-port Narino f’Tumaco.

F’filmat li nxtered fuq il-midja jidhru l-uffiċjali jippuntaw l-armi tagħhom wara li fetħu l-entratura tas-sottomarin. Din kienet l-ikbar qabda ta’ droga f’sentejn għal dawn l-uffiċjali.

Fost l-erba’ persuni arrestati kien hemm raġel mill-Ekwador li huwa mfittex fl-Istati Uniti fuq akkużi ta’ traffikar ta’ droga. Ir-raġel ġie identifikat bħala Jorge PB u flimkien ma’ tliet Kolumbjani oħra ttieħed lejn l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Proprju aktar kmieni dan ix-xahar fil-Kolumbja kienet imnedija strateġija ġdida maħsuba biex tiġġieled it-traffikar tad-droga fil-pajjiż.

Ekonomija

Sport