Thursday, December 26, 2024

UFFIĊJALI: Pazjent jerġa’ pożittiv għall-Covid-19 tliet xhur wara li kien infettat l-ewwel darba

Aqra wkoll

Pazjent li kien irriżulta pożittiv għall-Covid-19 u rkupra, għal darb’oħra reġa’ rriżulta pożittiv għall-virus. Dan kien ikkonfermat mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li matulha tat l-aġġornamenti dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija f’pajjiżna.

Meta kienet qed twieġeb għal mistoqsija li għamlitilha Inewsmalta, il-Prof. Gauci qalet li l-pazjent inkwistjoni kien irriżulta pożittiv, u wara tliet xhur kien reġa’ rriżulta pożittiv għall-virus.

Dwar dan il-każ il-Professur Gauci qalet li din il-persuna kienet pożittiva l-ewwel darba fit-13 ta’ April u ġiet dikjarata li fieqet fis-27 ta’ April. Din l-istess persuna reġgħet irriżultat pożittiva lbieraħ.

Jidher li l-pazjent inkwistjoni, maħsub li huwa ħaddiem mediku, kien ġie dikjarat bħala li rkupra mill-virus wara li kien irriżulta pożittiv l-ewwel darba għall-virus.

Huwa mifhum li l-awtoritajiet tas-saħħa diġà ħadu kampjuni mill-pazjent u bagħtuhom għal testijiet barra minn Malta.

Għalkemm f’Malta din jaf tkun l-ewwel darba li pazjent ġie infettat bil-virus darbtejn, dan mhuwiex każ iżolat. Fi Frar li għadda l-awtoritajiet tas-saħħa fil-provinċja Ċiniża ta’ Guangdong kienu rrapportaw li madwar 14% tal-pazjenti li kienu rreġistrati bħala li rkupraw mill-virus kienu reġgħu rriżultaw pożittivi mill-ġdid.

Ekonomija

Sport